ELSA Malta intgħażlet biex tospita il-Laqgħa tal-Kunsill Internazzjonali (ICM) tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istudenti tal-Liġi (ELSA) fir-Rebbiegħa tal-2016. Membri tad-delegazzjoni Maltija preżentaw l-applikazzjoni ta’ Malta waqt il-Laqgħa tal-Kunsill Internazzjonali li saret fl-aħħar jiem f’Bodrum, it-Turkija. L-approvazzjoni ġiet waqt is-sessjoni finali tal-Plenarja, s-Sibt filgħaxija.
‘Il fuq minn 400 delegat minn aktar minn 40 pajjiż Ewropew se jkunu qed jattendu l-Laqgħa tal-Kunsill Internazzjonali f’Malta, li se ssir fuq perjodu ta’ ġimgħa.
Fi stqarrija wara din l-aħbar, id-delegazzjoni Maltija qalet li ELSA Malta tinsab sodisfatta li għal darb’oħra intgħażlet min-netwerk tal-ELSA biex tospita dan l-avveniment importanti u rringrazzjat lil kull min ta s-sapport tiegħu lil ELSA Malta.
Il-Laqgħa tal-Kunsill Internazzjonali Rebbiegħa 2016 se tkun id-69 Laqgħa tal-Kunsill Internazzjonali u l-ħames li se tkun qed issir f’Malta, bl-aħħar waħda kienet il-Laqgħa tal-Kunsill Internazzjonali li saret fir-Rebbiegħa tal-2014.
//= $special ?>