Lokali

Mijiet jipparteċipaw fil-President’s Bike Ride

Mijiet ta’ persuni ipparteċipaw fl-ewwel edizzjoni tal-President’s Bike Ride, fejn sewwieqa tal-muturi u tar-roti ingħaqdu taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca biex jinġabru fondi b’risq l-Istrina.

Fil-fatt, sewwieqa ta’ kull eta’, kif ukoll bosta membri ta’ clubs tal-muturi f’Malta, kif ukoll minn Sqallijja, ingħaqdu flimkien għal din l-attivita, li hija mistennijja li ssir attivita’ annwali f’sensiela ta’ attivitajiet li jilħqu l-qofol tagħhom fil-maratona annwali tal-Istrina lejn l-aħħar tas-sena.

Fl-indirizz tagħha lil dawk preżenti il-President Marie Louise Coleiro Preca tenniet li il-preżenza qawwija tal-parteċipanti uriet biċ-ċar kif minkejja li l-poplu Malti huwa żgħir fin-numru huwa kbir fil-qalb, xi ħaġa li tagħmel lil poplu Malti uniku fid-dinja.

Hija irringrazzjat ukoll lil-voluntiera kollha li ħadmu bla heda biex ġiet organizzata din l-attivita’, filwaqt li appellat biex aktar persuni jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet favur persuni fil-bżonn.

L-attivita’ bdiet biswiet il-Palazz ta’ Sant Anton f’Ħ’Attard u ġiet fi tmiemha f’Ta’ Qali, wara vjaġġ li għadda lil parteċipanti minn bosta rħula f’Malta.