“Sfruttar ta’ Asjatiċi b’sigħat twal ta’ xogħol għal boqxiex”. Dan huwa t-titlu ta’ artiklu tal-ġurnalist Joe Mikallef ppublikat fil-gazzetta l-Mument, artiklu li jispjega, b’ritratti esklussivi, t-traffikar ta’ persuni Asjatiċi lejn Malta.
L-istorja tal-Mument tispjega kif żgħażagħ Asjatiċi qed jiddaħħlu fi sqaq ta’ sfruttament wara li jibilgħu lixka ta’ xogħol attraenti f’pajjiżna bi qligħ tajjeb għalihom.
Il-Mument tgħid li dan it-traffikar ta’ persuni hu meqjus bħala traffikar pulit ta’ Ċiniżi, Vjetnamiżi u persuni ta’ nazzjonalita’ oħra biex jaħdmu f’fabbriki tat-tessuti li waħda minnhom hi propjeta’ tal-gvern Ċiniż.
Fl-artiklu tal-Mument hemm ritratti li juru l-ġbir tal-Asjatiċi minn Ħal Far, il-vjaġġ bl-Asjatiċi minn Ħal Far lejn il-Qasam Industrijali ta’ Bulebel, ritratti tad-dħul fil-post fejn jorqdu l-Asjatiċi u l-ambjent fejn jgħixu u anke ritratti tal-fabbrika fejn jaħdmu kemm Asjatiċi u anke Maltin.
L-artiklu jgħid li fil-jiem li għaddew il-kamra tal-ahbarijiet ta’ Media.Link irċeviet informazzjoni li għaddewha persuni Asjatiċi li huma mdejqa bl-allegat sfruttament, meta fil-verita’ kienu mwegħda li se jagħmlu xogħol diċenti li għalih jitħallsu kif suppost u minflok spiċċaw, fi kliemhom stess bħala skjavi. Spiċċaw jgħixu f’post imdawwar bl-iskart, jorqdu fi kmamar żgħar ħafna u jaħdmu sigħat twal ħafna.
Persuna li tkellmet ma’ l-Mument qalet li ġiet Malta biex taqla sitt mitt ewro fix-xahar, somma kbira għalihom. Iżda minflok qed jagħtuhom ftit ewro u jgħidulhom li l-kumplament tal-flus qed jużawhom biex ituhom x’jieklu, biex iħallsulhom fejn joqogħdu, f’Ħal Far. Insomma, f’sentenza waħda din il-persuna qalet li kieku jistgħu ma jagħtuhom xejn flus.
Barra minn dan kollu kull wieħed u waħda minn dawn l-Asjatiċi biex jiġu Malta jaħdmu jgħidulhom li jridu jħallsu mas-sitt elef ewro għax-xogħol kollu li jrid isir biex jinġiebu Malta. Jgħidulhom li biex jaħdmu fl-Ewropa jridu visa u anke biex ma jkollhomx problemi biex jidħlu fiż-żona Schengen.
Iżda skont dak li ntqal lill-Mument il-ħaddiema Asjatiċi jintalbu l-passaport u dokumenti oħra bħala miżura ta’ sigurta’ u biex ma jaħarbux.
Fi tmiem l-intervista ma’ l-Mument l-Asjatiċi, li riedu jibqgħu anonimi, qalu li qed jgħidu ħajja ta’ swied il-qalb għaliex iddaħlu f’ċirku perikoluż li ma jistgħux joħorġu minnu u għalhekk qed jitolbu l-għajnuna.
//= $special ?>