Lokali Parlament

30 eks-Pulizija jidħlu lura fil-Korp wara li kienu rriżenjaw aktar minn 15-il sena ilu

Taħt dan il-Gvern Laburista minn wara l-elezzjoni ta’ Marzu tal-2013, iddaħħlu mill-ġdid fil-Korp tal-Pulizija 30 eks-uffiċjali tal-Pulizija li kienu rriżenjaw jew spiċċaw mill-Korp aktar minn 15-il sena ilu.

Din l-informazzjoni ta fil-Parlament illejla l-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Manuel Mallia għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li staqsa wkoll għal liema raġuni kienu spiċċaw mill-Korp, u meta kienu fil-fatt spiċċaw mill-Korp iktar minn 15-il sena ilu.

Mill-informazzjoni li ngħatat, jirriżulta li kien hemm tliet eks-uffiċjali tal-Korp li kienu rriżenjaw minħabba raġunijiet ta’ saħħa u li dak iż-żmien ma kinux tajba għax-xogħol.
Fost dawk li daħlu lura fil-Korp tal-Pulizija, kien hemm tlieta li rriżenzjaw fl-1986 – aktar minn 25 sena ilu.

L-impjieg lura ta’ dawn it-30 membru fil-Korp li daħlu wara li kienu spiċċaw mill-Korp iktar minn 15-il sena ilu, iddaħħlu bejn Marzu u Ottubru ta’ din is-sena.