Lokali

Aġġornata: Beppe Fenech Adami jasal Malta minn Londra

Għall-ħabta tal-3.45pm, il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami wasal Malta abbord it-titjira minn Heathrow. Minbarra l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Simon Busuttil, sab jilqgħuh fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta numru ta’ Deputati tal-Oppożizzjoni, fosthom il-Whip tal-Grupp Parlamentari David Agius u d-Deputati Tonio Fenech, Jason Azzopardi, Claudette Buttigieg u Antoine Borg.

Aktar kmieni …

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami mistenni jasal lura Malta llum waranofsinhar.

It-Tnejn li għadda, Beppe Fenech Adami kien operat biex jitneħħielu tumur ta’ kanċer minn spalltu. Dakinhar, il-Kirurgi kienu esprimew ruħhom bħala sodisfatti mill-operazzjoni, li ħadet madwar erba’ sigħat u nofs.

Il-Viċi Kap tal-PN mistenni jasal Malta għall-ħabta tat-3pm, akkumpanjat minn membri tal-familja tiegħu, fosthom martu Ann. Hu mistenni jkun milqugħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Simon Busuttil.