Editorjal

Editorjal: Tgħid nemmnuh lil Joseph Muscat fuq il-58 eurocents?

Fl-aħbarijiet f’diversi gazzetti kienet ħarġet għal ġimgħat sħaħ l-aħbar li ż-żieda fil-pagi li trid tingħata bil-liġi minn Jannar se tkun €1.16. Il-Gvern, li jrid jgħaddi dil-liġi u li bħala employer waħdu jimpjega 44,000 ruħ, ma ċaħadx. Issa ħarġet aħbar oħra li ż-żieda bil-liġi qed jingħad li se tkun 58 eurocents, ħames xelini mill-antiki.

Kalkolu li messu ilu ċar tliet xhur
Dan hu kalkolu li suppost hu wieħed sempliċi fuq l-indiċi tal-prezzijiet sa Ġunju u li ilu li ħareġ mill-21 ta’ Lulju, jiġifieri tliet xhur. Għal tliet xhur sħaħ, il-Gvern qagħad jilgħab flok iċċara dak li għalih żgur hu ċar la joħroġ minn kalkolu fuq numri ppubblikati. U dan juri kemm għandna Gvern li jrid jilgħab u jaħbi.

Gvern li gideb b’mod ċar u ripetut
Naturalment, dal-Gvern ma jitwemminx waħda f’li jgħid. Għandna Prim Ministru li gideb li jirriżenja jekk ma jibnix power station oħra sa ħames xhur oħra. Għandna l-Ministru sieħbu li joqogħdu jxarrbu lil xulxin bil-bramel tal-ilma li gideb ripetutament li l-power station kienet on track meta lanqas biss għadha bdiet.

Mart Ministru bi €13,000 fix-xahar, u l-kelliem ta’ Muscat b’€1,115 fil-ġimgħa
Dan l-istess Ministru jgħid li xirja ta’ ġimgħa għand is-supermarket hi 25 ewro, jew 100 ewro fix-xahar, meta lill-mara tiegħu il-Prim Ministru Muscat taha 13,000 ewro fix-xahar. U issa għandna lill-kelliem ta’ Joseph Muscat li qed jaħtaf 1,115-il ewro fil-ġimgħa minn flusna u li qed jgħid li ż-żieda lilna – mhux lilu – se tkun 58 eurocents.

Tkun kemm tkun, żieda miżera ħdejn dak li wiegħed Muscat
Lil dal-Gvern, evidentement ma nistgħux nemmnuh. Ħafna fil-fatt qed jaħsbu li din hi logħba biex kulħadd jikkonvinċi ruħu li ż-żieda se tkun nofs ewro, imbagħad xħin iħabbar ewro kulħadd jinsa li anke ewro hi żieda baxxa ħafna. Baxxa ħafna għax tmur kontra wegħdi ċari u speċifiċi ta’ Joseph Muscat fuq id-dħul tal-ħaddiema.

Muscat jeħodlok 150 ewro mill-paga, 300 lil koppja jaħdmu t-tnejn
L-ewwel nett, il-wegħda tar-roħs fl-elettriku. Joseph Muscat roħs wiegħed, min qed iħossu, jiġifieri avanz veru, mhux joħodhulek mill-paga. Il-Gvern ta’ Muscat stess is-sena l-oħra ta €3.49 żieda, jiġifieri 180 ewro fuq sena. Jekk iż-żieda issa tkun kemm qed jgħid s’issa, 30 ewro fuq sena, ifisser li jkun ħadlek 150 ewro, jew 300 ewro lil koppja jaħdmu t-tnejn, taparsi għax raħħas il-kontijiet. Mela mhux roħs veru dan.

An idea whose time has come – gidba kbira oħra ta’ Joseph Muscat
It-tieni, il-wegħda tal-living wage. Joseph Muscat kien qal li hu se jibda l-living wage, paga ferm ogħla mill-paga minima. Bil-mod bombastiku tiegħu, kien qal li hi an idea whose time has come, idea li żmienha wasal, kif qal 200 sena ilu Victor Hugo. Issa x’wasal? 58 eurocents skont l-aħħar għajdut, għax dak li jgħid Muscat dejjem irid jitqies bħala xniegħa. U għalhekk Muscat, minħabba l-wegħdi tiegħu li llum nafu bil-fatti li kienu gideb ċar, hu Prim Ministru ma jista’ jemmnu ħadd.