Ambjent Lokali Parlament

Erba’ riżenji u tnejn re-deployed fil-WasteServ

F’dawn l-aħħar erba’ xhur fil-WasteServ kien hemm erba’  riżenji u tnejn re-deployed.Fix-xhur imsemmija, kien hemm ir-riżenja ta’ Direttur wara sena u xahar; Facility Manager li rriżenja wara 11-il sena; Konsulent Legali rriżenja wara servizz ta’ tliet snin u tmien xhur; u r-riżenja wkoll ta’ Chief Officer Internal Audit wara biss seba’ xhur fil-kariga.

Dawn ir-riżenji kienu żvelati wara mistoqsijiet li saru mill-Oppożizzjoni fil-Parlament fl-aħħar jiem. Id-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonici, Kelliem għall-Iżvilupp Soċjali, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima; staqsa lill-Ministru Leo Brincat responsabbli mill-WasteServ, jgħid kemm irriżenjaw jew ġew re-deployed professjonisti mill-WasteServ f’dawn l-aħħar erba’ xhur; x’kienet ir-raġuni każ b’każ; u kemm kienu ilhom il-professjonisti fil-kariga.

Ir-raġunijiet kollha li ngħataw mill-Ministru Leo Brincat fit-tweġiba li ta fil-Parlament fuq informazzjoni li qal li għaddewlu l-WasteServ, kienu kollha l-istess – minħabba raġunijiet personali.