Lokali Parlament

Il-Gvern jaħbi n-nefqa fit-trasport pubbliku

Il-Gvern ma jridx jgħid kemm hi l-ispiża, xahar b’ xahar, tal-Malta Public Transport Services biex ġie operat it-trasport pubbliku mill-istess kumpanija minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena.

Dan hu l-perjodu li fih il-Gvern beda jħaddem hu t-trasport pubbliku wara li l-Arriva ddeċidiet li ma tkomplix taħt dan il-Gvern bil-kuntratt li kienet iffirmat taħt l-amministrazzjoni preċedenti.

Id-dikjarazzjoni li għamel il-Gvern li ma jagħtix din l-informazzjoni, għamilha fil-Parlament il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi, fi trweġiba li ta għal mistoqsija li għamel id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u l-Infrastruttura.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li f’dan l-istadju ma jkunx prudenti li tingħata din it-tip ta’ informazzjoni minħabba l-fatt li għadhom ma ġewx finalizzati n-negozjati mal-operatur il-ġdid tat-Trasport Pubbliku.

Mitlub jikkummenta dwar din il-pożizzjoni li ħa l-Gvern li jaħbi lill-Parlament l-informazzjoni mitluba, id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li din l-informazzjoni hi ta’ interess pubbliku ghax in-nefqa saret mill-flus tat-tax payers.

Toni Bezzina kkummenta wkoll li jekk kif qal il-Ministru Mizzi stess f’mistoqsija oħra parlamentari, li hemm tenderer wieħed biss li jikkwalifika, tant li l-Ministru Mizzi stess ma ddejjaq xejn imur għandu Spanja, x’ irid ifisser li għadhom ma ġewx finalizzati n-negozjati mal-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku.

Toni Bezzina rrimarka li la darba ntefgħet tender, issa ma jistax jinbidel il-prezz, u staqsa jekk il-Gvern hux se jerġa’ jċaqlaq il-lasti.