Ħalliel jew ħallelin fl-ahhar gimghat jidher li qabdu mal-Mellieħa għal skop ta’ serq.
Il-ħalliel, l-ewwel jistudja sew il-post li jkun irid jidħol fih biex jisraq u mbagħad fil-mument opportun għalih jidħol fih u jisraq.
Dan is-sit żar il-Mellieħa u tkellimna ma’ diversi persuni li kienu fil-mira ta’ dan il-ħalliel jew ħallelin dwar l-esperjenza qarsa li għaddew minnha, hekk kif skoprew li xi ħadd daħal f’darhom u seraqhom.
Mara ta’ nazzjonalità barranija iżda li hi miżżewġa Malti qalet li ġurnata minnhom, ftit tal-ġranet ilu kienet barra flimkien ma’ żewġha. Filgħaxija rritornaw id-dar u telgħu fis-sular ta’ fuq biex jorqdu. Appena għamlu hekk, xi ħadd li kien diġà fid-dar, ħarab billi qabez mit-tieqa.
Din il-mara qalet li dak li daħal fid-dar tagħha x’aktarx li għamel dan billi qabeż ġewwa mill-parti ta’ wara tad-dar. Meta dan sab ruħu ġewwa, tela’ fis-sular ta’ fuq u seraq oġġetti tad-deheb, tal-fidda u sab ukoll kontenitur kbir mimli b’muniti ta’ ewro u seraq kollox.
Mara oħra rrakkontatilna li anki lilha daħlulha fid-dar u serquha. Qalet li l-ħalliel, wara li seraqha, reġa’ lura fid-dar tagħha u qalilha li jiddispjacieh li seraqaha. Qalilha wkoll, permezz ta’ kitba li halliela fuq karta, li hu għandu tlett itfal iżda għandu l-problema tad-droga!
Tkellimna wkoll ma’ mara oħra f’Santa Maria Estate li wkoll irrakkontat kif fil-jiem li għaddew xi ħadd daħal fid-dar tagħha u seraqha fid-dawl tax-xemx.
Din l-omm imwerwra qalet li minn dakinhar sa llum għadha ma ħarġitx barra għax tibża’.
Jidher li dwar dan il-persuna qed jiċċirkulaw ritratti u l-Melleħin li tkellimna magħhom awguraw li l-Pulizija jkunu kapaċi jikkonkludu b’mod pożittiv l-investigazzjonijiet tagħhom u jarrestaw lil dan ir-raġel.
Ta’ min jgħid li aktar kmieni din is-sena l-lokalità ta’ Tas-Sliema kienet spiċċat fil-mira ta’ ħalliel jew ħallelin li kien irnexxielhom jagħmlu b’suċċess sensiela ta’ serqiet mid-djar jew l-apparti tagħhom.
Issa jidher li din il-mewġa qed tolqot il-Mellieħa.
//= $special ?>