Qorti

Jgħid li l-Pulizija kienu aggressivi miegħu

Fil-Qorti, ir-raġel li allegatament gidem Pulizija fil-Qorti qal li kienu l-Pulizija li sawwtuh, kienu aggressivi miegħu u bi vjolenza ġiegħluh jirkeb magħhom.

L-avukat ta’ David John Calleja ta’ 30 sena minn Ta’ Xbiex qal li wara li lill-akkuzat waqqfuh meta kien għaddej bil-karozza, numru ta’ Pulizija kienu aggressivi miegħu u bi vjolenza ġiegħluh jirkeb magħhom.

Kif kien riekeb fuq wara, dan resaq il-quddiem biex jipprova jkellem lix-xufier kuntistabbli u l-kuntistabbli minnufih lagħblu daqqa ta’ minkeb u kisirlu mnieħru.

Dawn kienu l-kummenti tal-Avukat Robert Abela li ta quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia li kien qed jiddefendi lil David John Calleja, li jaħdem bħala konsulent finanzjarju u li qed jiġi akkużat li ikkaġuna ferit ħfief fuq kuntistabbli, li ħebb għaih u għal membri oħrajn tal-Korp tal-Pulizija u li beżaq fuq uffiċjal pubbliku, wkoll membru tal-Korp tal-Pulizija.

David John Calleja ġie mixli bi 17-il każ kollha relatati mal-każ li seħħ fl-4.30am ta’ nhar is-Sibt li għadda. L-Avukat Abela qal li dan ġara wara li ftit tal-jiem qabel l-akkużat temm relazzjoni ma’ omm it-tarbija tiegħu u ma kienx qed iħossu sew. Qal li dan mar jixrob biex jipprova jinsa’ dak li għadda minn għalih, u li hu lest li jħallas, għal dak li għamel, allegatament feriti ħfief fuq il-Pulizija.

Huwa qal li l-Pulizija ma mxewx b’mod sew mal-akkużat.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jason Francis Sultana, qalet li l-akkużat kiser imnieħru għax ħabat mat-tieqa tal-karozza biex jipprova jaħrab.

L-Avukat Abela, li qed jidher għall-akkużat, qal li filwaqt li l-media għandha rwol importanti u anke kienet fl-aħbarijiet meta tkellem dwarha l-Prim Imħallef fis-sena forensi, din id-darba kienet il-Pulizija li użat lil media biex twassal il-messaġġ li riedet hi.

Ftit wara li tressaq David John Calleja, l-Avukat Robert Abela talab lill-Qorti biex il-ħwejjeġ tal-akkużat mimlija dmija jiġu eżaminati b’mod forensiku. Wara argument bejn il-partijiet, aktar tard il-Pulizija qablet li dan għandu jsir.

L-Avukat Abela talab ukoll biex isir eżami forensiku fuq il-karozza tal-Pulizija, u staqsa jekk din jekk din għadhiex intatta, u hawn l-Ispettur Sultana, qal li l-karozza inħaslet. Hawn l-Avukat Abela qal li xi ħaġa bħal din hija interessanti, fejn hawn seta’ jkun hemm prova aktar ċara. Dak il-ħin, il-ġenituri tal-akkużati li kienu preżenti nstemgħu jgħidu li l-karozza tal-Pulzija, nħaslet kwarta wara li seħħ l-inċident.

L-Avukat Difensur qal ukoll li waqt l-interogazzjoni tal-akkużat, il-Pulizija li nterroga lil Calleja, qallu “int nagħaġ kellek miegħek, għax kieku kont jien mhux imnieħrek kont inkissirlek.”

Il-Prosekuzjoni qalet li kuntistabbli tal-Pulizija ġie ċċertifikat li sofra minn xi ġrieħi meta ġie aggrediet waqt li kien fuq xogħol. Jirrizulta li żewġ Pulizija kienu fuq patrol fix-Xatt ta’ Tigne’, f’Tas-Sliema, meta nnutaw sewwieq li kien qed isuq karozza Honda Civic b’mod perikoluż.

Is-sewwieq twaqqaf u kien aggressiv u intalbet aktar assistenza min-naħa tal-Għassa ta’ Tas-Sliema. Ir-raġel intalab biex jagħmel test tal-“breathalyser” iżda dan irrifjuta.  Meta twaqqaf milli jkompli jsuq, ir-raġel beda jgħajjar lis-Surġent bi kliem diżpreġġjattiv.

Hu ġie arrestat u hekk kif il-Pulizija kienet qed takkumpanjah fuq wara tal-vettura tal-Korp huwa prova jiftaħ il-bieba sabiex joħroġ. Kien hawnhekk li allegatament beda jagħti bis-sieq lix-xufier u jħabbat rasu mal-ħġieġ tal-vettura.

Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel kompla bl-għaġir tiegħu u anka gidem lil wieħed mill-Kuntistabbli. Kienu membri mir-Rapid Intervention Unit kif ukoll dawk tas-Sezzjoni tat-Traffiku li wkoll kienu fuq il-post sabiex jassistu lill-kollegi tagħhom.

Lejn l-aħħar tal-kawża, l-Avukat Abela għamel talba għal liberta’ proviżorja tal-akkużat fejn qal li l-Pulizija għandhom jerfgħu r-responsabbilita’ ta’ għemilhom għal dak li għamlu. Qal li l-klijent tiegħu għandu mpieg tajjeb u rabta tajba ma’ Malta u żgur mhuwiex se jħalli dawn il-Gżejjer.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba u dan għax irid jingħata eżempju lis-soċjeta’ u li kulħadd għandu jitgħallem li affarijiet bħal dawn mhumiex permissibbli. Il-Qorti laqgħet it-talba għal liberta’ proviżorja, meta talbet biex xi ħadd jagħmel tajjeb permezz ta’ garanzija ta’ €10,000 biex jiġu salvagwardjati l-kundizzjonijiet tal-pleġġ.

Kien missier David John Calleja li għamel tajjeb għal ibnu.