Lokali Parlament Unjoni Ewropea

Karmenu Vella jirriżenja mill-Parlament

Karmenu Vella irriżenja minn Deputat Laburista fil-Parlament Malti biex iservi fil-Kummissjoni Ewropea bħala l-Kummissarju Malti Ewropew għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

Fl-aħħar diskors tiegħu fil-Parlament waqt il-ħin tal-Aġġornament illejla, Karmenu Vella qal li se jkun qed iċedi s-siġġu tiegħu biex fil-bidu ta’ Novembru jibda jaqdi l-funzjoni tiegħu bħala Kummissarju Ewropew.

Fisser li għandu ansjetà u entużjażmu, iżda wkoll dieqa li qed jitlaq ix-xogħol parlamentari li ilu jagħmel 38 sena, għalkemm qal li ma jistax iniżżel is-siparju tal-politika f’pajjiżna għaliex ma jistax ibassar x’jista’ jiġri fil-futur.

Qal li dan hu żgur id-diskors ta’ riżenja tiegħu minn din il-leġiżlatura.

Karmenu Vella ilu 46 sena fil-politika u 38 sena fil-Parlament, minkejja li fi tfulitu ftit li xejn kien jaħseb f’attivitajiet politiċi.

Fisser li kienu sħabu u n-nies li mbuttawh għall-politika u kif għalaq 18-il sena kien imbuttat joħroġ fil-Kunsill Ċiviku taż-Żurrieq, u dik kienet il-magħmudija triegħu fil-politika.

Fl-1976, qal li kkontesta l-ewwel darba fl-elezzjoni u sab ruħu elett. Hu qal li libes ħafna kpiepel, u issa fir-responsabbiltà ta’ Kummissarju Ewropew. Esperjenza stili differenti ta’ tmexxija sa minn żmien il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier, sal-lum.

L-akbar tagħlima tul il-karriera politika tiegħu kienet dik tal-umiltà, għax qal li fil-politika l-poter tas-siġġijiet fil-Parlament huma f’idejn iċ-ċittadini u mhux tal-politiċi. U qal li fil-karriera politika dejjem ħadem bla ma qatt żeblah lil ħadd, u tgħallem ukoll li fil-politika m’hemmx xejn kollox iswed u xejn kollox abjad; u li t-tolleranza hi sinjal ta’ għaqal.

Karmenu Vella qal li qed iħares ‘il quddiem b’fiduċja li se jroddha lura b’riżultati u b’ħafna ħidma fil-kariga ta’ Kummissarju għall-Ewropa.

Wiegħed li se jkun qed jaqdi dmiru bl-aħjar abbiltajiet hekk kif irringrazzja b’mod partikolari lill-kostitwenti.

Tkellem ukoll id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, li qal li Karmenu Vella ra bidliet kbar iseħħu f’pajjiżna u issa se jkollu r-responsabbiltà ta’ Kummissarju Ewropew fi żmien kritiku ħafna. Sejjaħ lil Karmenu Vella bħala veteran fil-politika.

David Agius, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, qal li Karmenu Vella qed jagħlaq kapitlu u jiftaħ ieħor. Awguralu wkoll li jkompli jaħdem għall-ġid ta’ pajjiżna u li jkompli juża l-istil politiku tiegħu biex ikompli jagħmel suċċess anke fil-politika Ewropea. Qabel ma beda jagħmel l-aħħar diskors tiegħu fil-Parlament, id-deputat Laburista Joe Debono Grech qam jirringrazzja lil Karmenu Vella għal ħidma politika u fakkar fil-karriera politika twila ta’ Karmenu Vella, fosthom ‘iż-żminijiet diffiċli’ tal-Prim Ministru Mintoff.

Qabel ma ntemmet is-seduta parlamentari tal-lejla, Karmenu Vella ippreżenta lill-Ispeaker l-ittra tar-riżenja tiegħu minn Membru Parlamentari.

Qabel