Edukazzjoni Għawdex Lokali

L-istudenti tal-kriminoloġija “diżappuntati” bin-nuqqas ta’ fondi fil-kors tagħhom

L-istudenti tal-krimonoloġija jinsabu diżappuntati li l-kors tagħhom mhux se jkun offrut lil numru ta’ studenti Għawdxin li jixtiequ jistudjawh, minħabba nuqqas ta’ fondi.
Minħabba li l-kors is-soltu jkun offrut fuq bażi part-time fil-ġżira t’Għawdex, l-istudenti li ġew affettwati minn din id-deċiżjoni probabbilment mhux se jkunu jistgħu jagħmlu l-kors tagħhom f’Malta minħabba mpenji oħrajn.

Filfatt fl-aħħar snin, b’koperazzjoni finanzjarja mal-Ministeru ta’ Għawdex, l-Universita’ ta’ Malta kienet qed toffri il-kors ta’ Baċċellerat fil-Kriminoloġija bl-istudenti jkollhom lectures fil-weekend f’Għawdex minn lecturers tal-Universita’ ta’ Malta stess.

Dan is-sit hu infurmat li minħabba l-ammont limitat tal-istudenti, fl-aħħar snin il-Ministeru għal Għawdex kien joffri assistenza finanzjarja biex l-istudenti interessati li jagħmlu dan il-kors u li ma setgħux jinżlu Malta għall-kors fl-Universita’, jsegwu l-kors minn Għawdex stess.

Iżda minn din is-sena skolastika, jidher li l-Ministeru għal Għawdex ma baqax joffri l-assistenza finanzjarja, bil-konsegwenza li ma baqax sostenibbli għall-Universita’ ta’ Malta li toffri dan il-kors f’Għawdex. Dan wassal biex studenti nteressati li jsegwu dan il-kors sabu li taret mar-riħ l-aspirazzjoni tagħhom li jagħmlu dan il-Baċċelerat.

Minħabba dan, huwa ta’ diżappunt, tenniet stqarrija minn dawn l-istess studenti, li din is-sena dan il-kors mhux se jkun offrut, bir-riżultat li se jnaffar uħud li xtaqu jibdew jistudjaw f’dan il-qasam tant importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalita’.