Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni ma toġġezzjonax bħalma għamel il-Gvern

 L-Ispeaker jiġbed l-attenzjoni tal-media Laburista

L-Oppożizzjoni fil-Parlament m’oġġezzjonatx għat-talba tal-Gvern biex fis-seduta tal-lejla jkun iffilmjat id-diskors fil-Parlament tad-Deputat Laburista Karmenu Vella, qabel ma jinħatar Kummissarju Ewropew, u dan minkejja li l-Gvern oġġezzjona bil-qawwa l-ġimgħa li għaddiet u ma ħalliex is-seduta parlamentari li ddiskutiet l-aħħar żviluppi fil-proġett tal-bini tal-power station tiġi mxandra.

It-talba biex il-midja tiffilmja u tieħu ritratti tal-aħħar diskors fil-Parlament ta’ Karmenu Vella qabel ma jinħatar Kumissarju Ewropew saret fil-bidu tas-seduta tal-lejla mid-Deputat Laburista Deborah Schembri.

Għan-nom tal-Oppożizzjoni, Mario de Marco, il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma Parlamentari, qal li l-Oppożizzjoni m’għandha ebda oġġezzjoni, iżda rrimarka fil-Kamra li kien il-Gvern li l-ġimgħa li għaddiet ma ħax l-istess pożizzjoni li qed tieħu l-Oppożizzjoni llum meta rrifjuta li tiġi mxandra s-seduta tal-Parlament li ddiskutiet il-mozzjoni dwar il-power station. L-Oppożizzjoni qed tkun konsistenti fil-pożizzjoni tagħha, u hi favur xandir ta’ seduta parlamentari u favur it-trasparenza.

Id-Deputat Laburista Deborah Schembri rrimarkat li s-seduta tal-ġimgħa l-oħra kienet dibattitu u mhux diskors.

Intant, l-Ispeaker tal-Parlament appella lill-media u lill-One News biex ma jagħmlu xejn li jista’ jfixkel il-ħidma tal-Membri Parlamentari waqt li jkunu deħlin jew ħerġin mill-bini tal-Parlament.
Dan l-appell sar f’ruling li ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia llejla dwar talba li ressaq id-Deputat Nazzjonalista George Pullicno, li f’seduta parlamentari tal-ġimgħa li għaddiet, talab lill-Ispeaker jinvestiga inċident li seħħ waqt li kien ħiereġ mill-bini tal-Parlament meta qal li ġurnalista tal-One News, tal-media Laburista, fixklitu u ħarġet saħansitra miz-zona tagħha riservata għall-ġurnalisti minn fejn huma wkoll ikunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom barra l-bini tal-Parlament.

L-Ispeaker qal li investiga l-każ u filwaqt li qal li d-Deputat George Pullicino seta’ kien imfixkel fil-ħin li kien qed jitkellem fuq it-telefon hu u ħierġ mill-bini tal-Parlament, m’hemmx każ ta’ ksur ta’ privileġġ.