MaltaRightNow.com irrapporta l-fatti li ħarġu minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien Tonio Fenech. Dan qalu fil-Qorti l-Avukat Joe Zammit Maempel, li qed jidher f’isem Media.Link Communications, hekk kif illum kompliet tinstema’ l-kawża kriminali li l-Ministru Manwel Mallia u l-kandidat Laburista David Farrugia Sacco qed jagħmlu fil-konfront tal-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier dwar artiklu li deher f’MaltaRightNow.com dwra l-iskandlu taż-żejt.
Meta kien qed isir il-kontro-eżami ta’ Mallia u Farrugia Sacco, ħareġ ukoll li dawn it-tnejn lanqas talbu għad-dritt ta’ tweġiba mingħand MaltaRightNow.com. Fil-kawża, ippreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, Manwel Mallia u David Farrugia Sacco qalu li ħassewhom malafamati b’żewġ artikli li dehru fuq MaltaRightNow.com. L-artikli kienu dehru fit-22 ta’ Frar tal-2013, intitolati “Tliet esponenti tal-Partit Laburista nvoluti fl-iskandlu taż-żejt”.
Manwel Mallia qal li l-aktar li dejjqu fir-rapport kien it-titlu, fejn ingħatat l-impressjoni li kellu x’jaqsam mal-iskandlu taż-żejt. Dwar id-dritt ta’ tweġiba, Mallia kkonferma li ma kienx uża dan id-dritt, kif kellu kull dritt li jagħmel. Qal li hu minnu li kien l-Avukat tal-aħwa Farrugia, iżda minkejja dan, ix-xogħol li kien jagħmel għalihom ma kellux x’jaqsam mal-iskandlu taż-żejt. Mallia kompla li kieku s-Segretarju Ġenerali tal-PN, b’xi mod irtira jew mar lura mir-rapport li deher, kieku hu kien jirtira l-libell.
Min-naħa tiegħu, David Farrugia Sacco qal li ma rax il-konferenza tal-aħbarijiet li kien għamel l-eks Ministru Fenech, iżda kien biss xi biċċiet, filwaqt li jidhirlu li xi ħadd kien tah xi print-out tagħha. L-Avukat Zammit Maempel reġa’ tenna li dak li ngħad fil-konferenza tal-aħbarijiet kien ġie rrappurtat ukoll fuq ġurnali oħrajn. Farrugia Sacco qal ukoll li t-titlu li b’xi mod hu kien involut fl-iskandlu taż-żejt dejqu, filwaqt li anke saret referenza għal ħuh u li anke dan ma kellu x’jaqsam xejn.
Il-kawża se tkompli fil-15 ta’ Diċembru, meta mistenni jsir il-kontro eżami ta’ dak li kien Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications Nathaniel Attard.
//= $special ?>