Li l-Maltin spiss jaqbżu għall-konklużjonijiet u jiġġudkaw malajr hu fatt magħruf. U hekk ġara fil-każ ta’ inċident li seħħ il-ġimgħa li għaddiet fil-Ħamrun hekk kif sewwieq ta’ mutur intlaqat minn vettura bil-konsegwenza li l-mutur tiegħu spiċċa maqlub mal-art.
Fortunatament is-sewwieq ma sofriex ġrieħi tant li l-każ kien investigat mill-wardens. Madankollu fuq l-internet mill-ewwel bdew iduru ritratti ta’ persuni li ma rawx l-inċident iseħħ imma raw biss il-mutur wieqaf f’nofs ta’ triq.
U mmedjatament bdew l-offiżi lejn is-sewwieq għaliex min ma ċċekkjax qabel ikkummenta, akkuża lis-sewwieq tal-mutur li għoġbu jipparkja f’nofs ta’ triq. Oħrajn akkużawh li qed jistieden li joħloq xi inċident.
Insomma, sewwieq li kien qiegħed jobdi l-liġi u ma jbiddilx ix-xena ta’ inċident qabel jaslu l-awtoritajiet kompetenti, minflok vittma ta’ inċident spiċċa vittma fil-mira tan-nies fis-social media.
//= $special ?>