Lokali

Muscat lanqas fuq il-pagi u l-pensjonijiet ma jista’ jitwemmen – il-PN

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jista’ jitwemmen f’xejn, lanqas fuq il-pagi u l-pensjonijiet. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, li fiha sostna li Joseph Muscat ma jistax jitwemmen fuq il-pagi meta qabel sar Prim Ministru għamel il-protesti fit-toroq kontra żidiet ogħla minn ta’ issa u wiegħed li se jżid il-pagi sostanzjalment għal living wage. Madankollu, issa qed jilgħab biċ-ċifri u l-ewwel intqal li ż-żieda se tkun ta’ €1.16 umbagħad qed jingħad li se tkun 58ċ.

Il-PN qal li Muscat ma jitwemminx lanqas fuq il-pagi u l-pensjonijiet għax waqt li hawn taħwid kemm se tkun iż-żieda li se jagħti, qed jiċċarġja lill-familji Maltin prezzijiet għoljin għall-fuels: fil-każ tal-petrol 24ċ ogħla minn kif kien il-prezz meta l-prezz taż-żejt kien fl-istess livell tal-lum; u fil-każ tad-diesel 30ċ ogħla. Il-Gvern Laburista qed jibgħat ukoll lill-pensjonanti jixtru l-mediċini li suppost jipprovdilhom b’xejn.

Il-PN sostna li Muscat ma jitwemminx lanqas meta Deputat tiegħu stess, Carmelo Abela, ta l-aħbar taż-żieda ta’ 58ċ fil-pagi u fil-pensjonijiet, filwaqt li l-istess Carmelo Abela se jkun qed idaħħal €58,000 fis-sena. Jekk huwa veru li l-mekkaniżmu tal-COLA qed jindika żieda ta’ 58ċ, fil-Baġit il-Gvern għandu jagħti kumpens lill-familji KOLLHA għall-piżijiet li hu stess qed jitfa’ fuq il-familji Maltin f’petrol u diesel ogħla u f’taxxi oħrajn moħbijin, bħat-taxxa fuq l-edukazzjoni biż-żieda fil-miżati tal-eżamijiet, temmet tgħid l-istqarrija.