Lokali

Oħt il-mara ta’ Joe Mizzi waħda minn dawk ingaġġati ‘full-time’ mid-Direttorat tat-Tindif Pubbliku

Il-Minisru tat-Trasport Joe Mizzi jinsab f’kontroversja dwar l-impjieg ta’ oħt il-mara bħala Cleaner mad-Dipartiment tat-Tindif Pubbliku. Lourdes Camilleri kienet waħda mis-70 impjegat li ġew ingaġġati full-time mid-Direttorat tat-Tindif Pubbliku f’Ġunju li għadda.

Mistoqsi dwar dan l-impjieg, il-Ministru Mizzi wieġeb li hu ma kienx involut fl-għażla tagħha għax oħt il-mara ingħażlet mill-Bord tal-Evalwazzjoni. L-impjieg ta’ aktar Cleaners mad-Direttorat tat-Tindif Pubbliku qed ikun ikkritikat għall-fatt li dan qed ikabbar in-nefqa tal-Gvern, fejn il-pagi tad-Direttorat issa telgħu għal €7 miljun minn €6.6 miljun.

Il-Gvern qed isostni li l-ingaġġ ta’ aktar Cleaners kien meħtieġ biex jitnaddfu żoni turistiċi. Kelliem għall-Ministeru tat-Trasport kienet ikkwotata tgħid li s-70 Cleaner kienu ngaġġati wara intervista mill-Bord tal-Evalwazzjoni li kkunsidrat il-kapaċitajiet tagħhom, il-karattru u l-motivazzjoni fix-xogħol.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-impjegati mal-Gvern komplew jiżdiedu kemm ilu li tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern, tant li dawn żdiedu b’aktar minn 2,000 fuq l-1,500 Ħaddiem tal-Gvern li jirtiraw kull sena.