Lokali

Alfonso Greco l-kowċ il-ġdid ta’ Żebbuġ Rangers

It-Taljan Alfonso Greco hu l-kowċ il-ġdid ta’ Żebbuġ Rangers 24 siegħa biss wara li l-klabb temm il-kuntratt ta’ Jesmond Zammit. Din l-aħbar kienet żvelata fuq il-paġna tal-programm sportiv ta’ Net Television, Replay.

Greco li għandu 45 sena, rritorna Malta llum stess wara li l-Ħadd kien mar l-Italja u laħaq ftehim mar-Rangers fejn illejla stess wara s-sessjoni ta’ taħriġ mistenni jkollu laqgħa mal-plejers bħala l-kowċ il-ġdid.
Sadanittant is-sessjoni ta’ taħriġ ta’ Żebbuġ illejla mistennija titmexxa mill-plejer Taljan Matias Muchardi li se jkun qed jerġa’ jingħaqad mal-konnazzjonal tiegħu li ħadmu flimkien ma’ Sliema Wanderers.
Greco se jkun qed jibda l-impenji tiegħu fejn mistenni jipprepara lit-tim għall-partita delikata li jmisshom Żebbuġ nhar it-Tnejn 3 ta’ Novembru fis-6 p.m. fil-ground tal-Hibs kontra Qormi, tim li fl-aħħar partiti jidher li sab ir-ritmu.

Sadanittant ma kienx biss Jesmond Zammit li temm il-kariga tiegħu fil-klabb ta’ Żebbuġ li jinsab fl-aħħar post post tal-Premier. Fl-aħħar sigħat anke Anthony Lee Baldacchino (eks President ta’ Marsaxlokk) irriżenja minn Segretarju ta’ Żebbuġ Rangers hekk kif jidher li ma qabilx mad-deċiżjoni tal-kumitat filwaqt li l-klabb se jkollu wkoll tim manager ġdid. Dan hu Leonard Spiteri wara li Bruce Genovese li jidher li kien il-persuna li nforma lill-klabb bid-deċiżjoni li Zammit ma kienx se jkompli fil-kariga, wkoll spiċċa mill-kariga tiegħu.

Greco beda l-esperjenza fil-Premier Malti ma’ Sliema Wanderers fl-istaġun 2012-13 u l-istaġun li għadda kien wassal lill-Blues sal-finali tal-FA Trophy fejn tilfu 1-0 kontra Valletta. Imma dan l-istaġun xejn ma kellu bidu nkoraġġanti biex fis-7 tax-xahar kien telaq lill-klabb Slimiż bi ftehim reċiproku wara li l-uniċi żewġ rebħiet li ksieb mal-Blues waslu proprju kontra t-timijiet promossi ta’ Pietà u l-istess Żebbuġ Rangers u postu ħadu Stephen Azzopardi.