Lokali

Beppe Fenech Adami jattendi s-seduta tal-lejla

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit, Beppe Fenech Adami, illejla attenda għas-seduta parlamentari, ftit biss aktar minn 24 siegħa wara li wasal Malta mill-Ingilterra fejn il-ġimgħa li għaddiet għamel intervent kirurgu biex jitneħħa kanċer fi spalltu.

Beppe Fenech Adami wasal Malta lbieraħ waranofsinhar, u llum, b’sorpriża għal ħafna membri tal-Kamra, daħal fil-Kamra tad-Deputati fejn tkellem u ntlaqa’ mill-membri preżenti, fosthom mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma Parlamentari, Mario de Marco.

Matul is-seduta, kemm l-Ispeaker Anġlu Farrugia, kemm il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, kif ukoll il-Ministru Manuel Mallia li kien qiegħed jitkellem fis-seduta, esprimew l-awgurju tagħhom lil Beppe Fenech Adami biex ikompli jiġġieled b’kuraġġ il-kundizzjoni tal-marda tal-kanċer.