Id-diskors li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-ewwel Konvenzjoni Ġenerali li ltaqgħet wara l-bidliet li saru fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista kien diskors magħmul b’konvinzjoni u preżentazzjoni tajba.
Fejn irid imur u kif irid jasal
Dak hu importanti: bil-forma li jagħti l-politiku lil dak li jagħmel tagħti ċerti sinjali; u fid-dinja tat-television u l-media soċjali, il-mod kif wieħed jitkellem hu wkoll importanti. Imma l-aktar importanti tibqa’ s-sustanza. U fis-sustanza, id-diskors ta’ Simon Busuttil kien tajjeb ħafna għax wera fejn irid imur u kif irid jasal – il-metodu.
Biex inti tgħix aħjar
L-ewwel nett, l-ambizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li f’dak kollu li jagħmel iwassal biex inti tgħix aħjar. Il-kwalità tal-ħajja f’kull qasam hi fl-aħħar mill-aħħar dak li l-politika trid tfisser, għax il-politika ma ssirx għall-politiċi imma għan-nies.
Rajk f’idejk
Il-mira li inti jkollok tassew rajk f’idejk, ikollok l-indipendenza personali tiegħek għax l-għażliet tagħmilhom inti għalik, fejn tistudja, x’karriera taqbad, kif titħarreġ, fejn taħdem, li tgawdi kura tas-saħħa tajba, ħarsien soċjali u elf ħaġa oħra.
Opportunitajiet, solidarjetà, ġid komuni
U dan isir b’dawk li huma t-tliet valuri li Simon Busuttil fuqhom qed ifassal il-politika tiegħu: l-opportunitajiet għal kulħadd, is-solidarjetà ma’ kulħadd u l-ħarsien tal-ġid li rridu ngawdu flimkien.
Edukazzjoni, xogħol, inklużjoni, saħħa, ambjent, isem pajjiżna
L-opportunitajiet, kif fisser Simon Busuttil, bl-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol – xogħol tajjeb li jista’ jħallas pagi tajbin. Is-solidarjetà billi kulħadd ikun inkluż u ħadd ma jkun eskluż u b’servizzi importanti bħas-saħħa. U l-ġid li rridu nħarsuh biex igawdih kulħadd u flimkien: l-ambjent, ewlieni, imma wkoll isem pajjiżna.
It-tiġdid tal-istrutturi u tal-ideat
Simon Busuttil ma spjegax biss fejn irid jasal imma wkoll kif. Billi l-Partit Nazzjonalista jġedded l-istrutturi tiegħu u jilqa’ aktar nies fi ħdanu kif ġa beda jagħmel. Billi jieħu l-inizjattiva tal-ideat u jġedded il-policies tiegħu b’fora li ġa waqqaf – policies studjati tajjeb u li jistgħu jitwettqu.
Mhux il-politika tal-passat li l-Labour qed jadotta
U aktar. Simon Busuttil qed ifassal bidla anke fil-mod kif issir il-politika. Il-politika tal-passat li qed naraw lil dal-Gvern jipprattika: in-nepotiżmu, tal-qalba min jaħtaf l-aktar, ix-xiri tal-voti bi flus il-poplu, il-gideb – dak hu metodu li jrid jinbidel.
Il-metodu ġenwin u awtentiku għax mibni fuq is-sewwa u l-onestà
Il-metodu, qal Simon Busuttil fl-aqwa tad-diskors tiegħu, irid ikun mibni fuq is-sewwa, fuq l-onestà. U din hi l-impronta li Simon Busuttil qed jagħti lit-tiġdid fil-Partit Nazzjonalista: li jimxi wkoll lejn bidla radikali fil-mod kif issir il-politika, il-mod awtentiku u ġenwin li Simon Busuttil wera fil-forma u, fuq kollox, fis-sustanza.