Il-Britanniku Daniel Holmes, ta’ 37 sena u li tliet snin ilu kien ikkundannat 10 snin u nofs ħabs fuq ftit aktar minn 1kg droga kannabis, qed jallega ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tiegħu, fosthom li ma kellux dritt li l-Qorti tiddikjara li l-każ tiegħu jinstema’ quddiem Qorti tal-Maġistrati u mhux jgħaddi ġuri, kif ukoll li d-dritt tal-Avukat tal-Għajnuna Legali mhix kompetenti, filwaqt li l-piena fil-konfront tiegħu mqabbla ma’ każijiet oħra simili kienet waħda ferm iebsa.
Holmes għamel dan meta reġa’ talab għal rimedju ieħor mill-Qorti u b’Appell Kostituzzjonali, fuq sentenza li tmur lura għall-24 ta’ Novembru 2011, fejn kien ġie kkundannat 10 snin u nofs priġunerija u b’multa ta’ €23,000, li ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appelli Kriminali fil-31 ta’ Ottubru 2013. L-Appell Kostituzzjonali ġie ppreżentat kontra l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u d-Direttur tal-Qrati u t-Tribunal ta’ Għawdex. Holmes kien ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrieh u fil-bidu ta’ Ottubru ngħata kumpens ta’ €7,000 mill-Qorti Kostituzzjonali minħabba dewmien biex jinstema’ l-każ tiegħu.
Fl-appell tiegħu, Holmes attakka d-diskrezzjoni li jgawdi minnha l-Avukat Ġenerali li jiddeċiedi jekk il-każ għandux jinstema’ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jew quddiem il-Qorti Kriminali. Holmes qed isostni li emenda riċenti fil-Liġi tgħid li persuna akkużata għandha dritt tikkontesta id-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali b’Rikors fil-Qorti Kriminali, li tiddeċiedi bejn il-Qorti tal-Maġistrati u dik Kriminali liema Qorti għandha tiddeċiedi l-każ.
Daniel Holmes qed jgħid ukoll li l-piena mogħtija lilu kienet waħda ħarxa, speċjalment meta mqabbla ma’ ħaddiehor li kien fl-istess ċirkorstanzi tiegħu. Għalhekk, il-piena hi wahda illegali, abbużiva, mhux proporzjonata u bi ksur ta’ Artikolu tal-Konvenzjoni Ewropea. Għamel referenza għal 20 sentenza mogħtija mill-Qorti Kriminali, fejn tenna li fil-kamp tad-droga hemm nuqqas ta’ uniformità fil-piena. Appella wkoll fuq id-dritt għall-Assistenza Legali waqt l-interrogazzjoni u nuqqas ta’ aċċess għall-file tiegħu. Qal li dak iż-żmien, Malta kienet l-uniku pajjiż fl-Ewropa li ma kinetx konformi ma’ dawn id-drittijiet.
//= $special ?>

