Il-wegħda elettorali tal-Partit Laburista dwar il-ftuħ ta’ Casino f’Għawdex u l-wegħda l-oħra dwar il-fast ferry service bejn iż-żewġ gżejjer, għadhom qed jiġu esplorati wara sena u nofs fil-Gvern.
Mistoqsi fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said, jgħid fiex wasal il-proċess biex f’Għawdex jinfetaħ l-ewwel casino fid-dawl tal-fatt li din kienet wegħda elettorali għal Għawdex, u meta mistenni jibda jopera dan il-casino f’Għawdex; il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo wieġeb biss f’sentenza waħda, li l-Ministeru qed jesplora l-possibbiltajiet kollha sabiex dan iseħħ.
Il-Ministeru għal Għawdex, skont il-Ministru Refalo, għadu jesplora wkoll il-possibbiltajiet biex iwettaq wegħda oħra elettorali marbuta mal-fast ferry service bejn Malta u Għawdex.
Din l-esplorazzjoni li għaddej biha l-Gvern b’rabta ma’ wegħda oħra elettorali, tkellem dwarha fil-Parlament il-Ministru għal Għawdex meta wieġeb mistoqsija parlamentari oħra tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, li staqsa wkoll meta mistenni jibda jopera dan is-servizz; min ser ikun qed joperah; minn fejn sa fejn ser jopera; u f’liema ħinijiet tal-ġurnata. Staqsa wkoll jekk is-servizz hux se jkun għall-passiġġieri biss jew hux ser jinkludi wkoll vetturi.
Għal dawn il-mistoqsijiet, il-Ministru Refalo ma ta ebda tweġiba.
Mitlub iwieġeb ukoll dwar il-proċess imwiegħed ukoll biex jibda jopera ħelikopter jew ajruplan fixed wing bejn Malta u Għawdex, u dwar meta mistenni li jibda dan is-servizz imwiegħed minn dan il-Gvern, il-Ministru Refalo qal biss li l-Ministeru qed jagħmel l-istudji kollha neċessarji u relattivi dwar tali proġett.
//= $special ?>