Lokali Parlament

Il-Gvern ivvettja lil Gasol plc …stampa finanzjarja xejn feliċi

Il-Gvern iddikjara fil-Parlament li vvettja s-saħħa finanzjarja tal-konsorzju Electrogas, b’rabta mal-proġett tal-power station ġdida, liema konsorzju jinkludi lill-kumpanija Gasol plc, li mill-aħħar rapporti finanzjarji tal-kumpanija Gasol plc, ippubblikati, juru stampa xejn feliċi tal-istat finanzjajrju tagħha u fejn l-awdituri juru tħassib serju dwar il-futur tal-kumpanija.

Fi tweġiba li ta llejla fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, il-Ministru tas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi qal li l-konsorzju kien ivvettjat għas-saħħa finanzjarja tiegħu.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa lill-Ministru Mizzi jgħid jekk fid-dawl tal-pubblikazzjoni tal-aħħar rapporti finanzjarji tal-kumpanija Gasol plc, li tifforma parti mill-konsorzju Electrogas, li juru stampa xejn feliċi tal-istat finanzjarju tagħha u fejn l-awdituri juru tħassib serju dwar il-futur tal-kumpanija, jistax jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern fuq din l-aħbar.

Il-Ministru Mizzi ntalab ukoll jgħid jekk l-istat finanzjarju u pożittiv tal-bidders u l-komponenti individwali ta’ joint ventures jew konsorzja, kienx u għadux rekwiżiti biex l-istess bidder jibqa’ jitqies eliġibbli.

It-tweġiba tal-Ministru Konrad Mizzi kienet li l-kuntratt ingħata abbażi tal-kriterji stipulati fil-proċess tax-xiri.