Il-Gvern, permezz tal-Privatisation Unit, temm proċess kompettittiv li beda b’sejħa għal proposti għal konċessjoni għall-ftuħ u l-operat ta’ Casino f’Malta, li saret fil-31 ta’ Lulju 2013.
Il-Privatisation Unit identifika lill-Eden Leisure Group Limited bħala l-proponent favorit u lil Dragonara Gaming Limited bħala t-tieni l-aktar proponent favorit. Din il-konklużjoni ntlaħqet abbażi ta’ rapport li sar minn Kumitat ta’ Evalwazzjoni u Aġġudikazzjoni.
Il-Gvern esprima x-xewqa tiegħu li jidħol f’negozjati b’mod immedjat maż-żewġ kumpaniji bil-għan li jingħataw żewġ konċessjonijiet separati għall-ftuħ u l-operat ta’ Casino f’Malta mingħajr dewmien. Dan għaliex il-Gvern jemmen li tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija ta’ Malta.
IIl-proċess ikompli b’perjodu ta’ diskussjonijiet u negozjati biex ikun finalizzat il-ftehim taż-żewġ konċessjonijiet separati.
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona, qal li l-Gvern qed ikompli jibgħat messaġġ ċar li lest ikompli jaħdem bla heda biex isaħħaħ ir-ritmu ekonomiku mgħaġġel li qabad dan il-pajjiż, li rreġistra l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.
“Il-Gvern huwa ottimist li, b’deċiżjonijiet bħal dawn u oħrajn simili li se jitħabbru fil-jiem li ġejjin, il-prospetti ekonomiċi ta’ Malta se jkomplu jissaħħu, kif anke kien ikkonfermat fl-aħħar sigħat mill-Aġenzija ta’ Kreditu Moody’s, li tat ċertifikat ieħor b’saħħtu lill-Ekonomija u l-Viżjoni Ekonomika tal-Gvern”, temm jgħid il-Ministru Cardona.
//= $special ?>