Lokali

Il-KNPD bi proċess ta’ konsultazzjoni biex tiġi riveduta l-Liġi tal-Opportunitajiet Indaqs

Wara 14-il sena, wasal iż-żmien li l-Liġi tal-Opportunitajiet Indaqs tiġi riveduta biex tirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur. Dan qalu ċ-Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà Oliver Scicluna f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar it-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni dwar dawn l-emendi. Il-proċess ta’ konsultazzjoni ngħata l-isem ta’ “Flimkien, Insaħħu d-Drittijiet Tagħna”.

Oliver Scicluna qal li l-Liġi għall-Opportunitajiet Indaqs, li daħlet fis-seħħ fl-2000, serviet tajjeb biex tiddefendi u sseddaq id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà. Madankollu, sostna ċ-Chairman tal-KNPD, wieħed jista’ jinduna li fil-Liġi hemm aspetti li għandhom bżonn jissaħħu u oħrajn ġodda li jiddaħħlu. Qal li din il-ħtieġa nħasset aktar meta fl-2012 Malta rratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.

Biex tħajjar u tgħin lill-pubbliku jikkontribwixxi fil-proċess ta’ konsultazzjoni, il-KNPD ppreparat dokument li jista’ jgħin fit-tfassil tas-suġġerimenti. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni jagħlaq il-Ġimgħa, 28 ta’ Novembru u f’dan ix-xahar, il-pubbliku hu mħeġġeġ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu b’email lil yourfeedback@knpd.org jew bil-posta tradizzjoni lil Kumitat Reviżjoni tal-Liġi, KNPD, Bugeja Institute, Santa Venera, SVR1619.