L-allegat abbuż ta’ Asjatiċi mħajra u miġjuba Malta biex jaħdmu f’fabbrika tat-tessuti proprjetà tal-Gvern Ċiniż ilu għaddej bosta snin. Il-ġurnal In-Nazzjon illum qed ikompli jiżvela aktar dwar it-traffikar uman ta’ persuni mwiegħda li se jaħdmu b’kundizzjonijiet deċenti, iżda ladarba jkunu f’Malta jsibu ruħhom jaħdmu f’kundizzjonijiet xejn faċli b’sigħat twal ta’ xogħol bi ħlas ta’ ftit għexieren ta’ ewro.
In-Nazzjon illum jikkwota membri li jiffurmaw parti mill-komunità Ċiniża f’Malta, li qalu li allegatament l-Ambaxxata Ċiniża kienet taf b’dak li kien qed jiġri, iżda milli jidher qatt m’għamlet xejn biex twaqqaf dan l-abbuż u tkisser dan iċ-ċirku. Wara l-istorja żvelata minn Il-Mument il-Ħadd li għadda, In-Nazzjon tkellem ma’ sorsi Ċiniżi li fissru li dan l-abbuż ilu għaddej bosta snin. Bosta kienu konxji minn dan l-abbuż, iżda għal xi raġuni jew oħra kulħadd baqa’ jżomm lura milli jitkellem.
Persuna qrib l-Ambaxxata Ċiniża f’Malta qalet lil In-Nazzjon li fost dawk konxji minn dan iċ-ċirku abbużiv hemm ukoll l-awtoritajiet fl-Ambaxxata nnifisha. Madankollu, minħabba li l-kumpanija Leisure Clothing (factory) Limited hi propjetà diretta tal-Gvern Ċiniż, allura jidher li qatt ma intervjeniet jew għamlet xi ħaġa. Riżultat ta’ dan, l-allegat sfruttament tal-Ażjatiċi baqa’ għaddej għal xahar wara xahar u sena wara sena.
Aktar dettalji fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon.
//= $special ?>