Ir-rapport finanzjarju annwali tal-Air Malta jikkonferma li l-kumpanija ma rnexxiliex tilħaq il-miri tal-pjan ta’ ristrutturar li kellu l-għan li fl-2013 ikun irreġistrat telf ta’ 15-il miljun u profitt fl-2014.
Dan hekk kif bejn Marzu tal-2011 u Marzu tal-2014, fl-għeluq tas-sena finanzjarja tal-Air Malta, il-kumpanija tal-linja nazzjonali tal-ajru rat it-telf tagħha jonqos minn 78.3 miljun ewro għal 16.2 miljun ewro. Fl-2013 it-telf kien iktar mid-doppju ta’ dak mixtieq fil-pjan ta’ ristrutturar.
Fid-diskors tagħha, ic-Chairman tal-Air Malta Maria Micallef qalet li fis-sena finanzjarja attwali l-kumpanija qed tistenna nuqqas ta’ 10% fid-dhul, li jfisser telf mid-dħul ta’ madwar 25 miljun ewro. Dan kawza tal-għeluq ta’ rotot tal-Libja u żieda ta’ 20% fil-kapaċita’ tas-seats ta’ linji tal-ajru oħrajn fl-aqwa xhur.
Maria Micallef kompliet li dan wassal biex il-kumpanija timbarka fuq proġett ta’ cost cutting intern, u dan fl-istess waqt li ġew promossi numru ta’ ħaddiema ghal livell ta’ managers. Hi ġġustifikat dawn il-promozzjonijiet f’mumenti hekk diffiċli u qalet li dawn kienu bżonnjużi u qed iħallu l-frott.
Semmiet ukoll id-divestiment tal-lukanda ta’ Selmun u l-Osprey li jridu jiġu finalizzati sal-aħħar tas-sena finanzjarja filwaqt li jrid jiġi fi tmiemu l-proċess tar-reklutaġġ internazzjonali ta’ Chief Commercial Officer u Chief Financial Officer li ġejjin mill-industrija u li jrid ilollom track record ta’ suċċess.
Minn naħa tiegħu il-Ministru Edward Zammit Lewis indirizza lill-ġurnalisti u kkritika kummenti li saru għaliex skont hu dawn jiddestabilizzaw l-Air Malta u l-process li qed isir. Hu ta ħarsa lejn il-proċess li sar fl-Air Malta sa llum bl-għan li l-kumpanija terġa’ ssir kumpanija kummerċjalment viabbli.
//= $special ?>