Kunsilli Lokali Lokali

Simon Busuttil iżur diversi proġetti mill-Kunsill Lokali fil-Mosta, jindirizza l-Assemblea Ġenerali tal-MDU

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu żar il-lokalità tal-Mosta u d-diversi proġetti li l-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista għamel fil-lokalità matul l-aħħar xhur.

Akkumpanjat mis-Sindku Shirley Farrugia, membri tal-Kunsill Lokali u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni David Agius, Simon Busuttil żar fost l-oħrajn il-Wied tal-Isperanza, żewġ postijiet ta’ rikreazzjoni għat-tfal, żewġ sqaqien u anke diversi toroq. Uħud minn dawn it-toroq saru b’fondi miksuba mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li oħrajn saru permezz tal-Fondi għall-Iżvilupp Urban mill-MEPA.

F’kumment lill-media, is-Sindku tal-Mosta qalet li l-Kunsill qed jaħdem biex il-Mostin iħossuhom jappartjenu għal-lokalità taghhom u għalhekk qed iwettaq diversi proġetti li jtejbu l-għejxin tal-Mostin. Temmet tgħid li l-isfida prinċipali tal-Kunsill Lokali tibqa’ t-tindif tal-lokalità u l-manutenzjoni tal-proġetti, għalkemm bħala Kunsill hu determinat li jibqa’ jaħdem biex il-Mostin iħossuhom jappartjenu għal-lokalità tagħhom.

Min-naħa tiegħu, Simon Busuttil spjega kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jħallu l-ġid biss jekk veramnet jaħdmu fl-interess tar-residenti, minkejja li l-Gvern Ċentrali ma jemminx fihom.

Sadanittant, aktar kmieni l-Kap tal-PN attenda għall-Assemblea Ġenerali tal-Malta Dockers’ Union (MDU), fejn tenna li bħalma għamel hu meta kien Membru Parlamentari Ewropew, l-Membri Parlamentari lokali u Ewropej f’isem il-PN se jibqgħu jaħdmu fl-interess tal-Ħaddiema tax-Xatt.

Hu qal li l-MDU qed tħalli r-riżultati li minnhom igawdu l-ħaddiema għax taħdem kif suppost bħala union awtonoma. Simon Busuttil faħħar ix-xogħol tal-MDU, li f’diversi okkażjonijiet kienet involuta fin-negozjati, bħal fir-Riforma tal-Portijiet. Bħala Kap tal-Oppożizzjoni, semma’ t-tħassib tiegħu għat-tnaqqis reġistrat fil-produzzjoni industrijali, kif ukoll fl-importazzjoni u fl-esportazzjoni.

Madankollu, Simon Busuttil wera sodisfazzjoni għall-fatt li s-sena d-dieħla ġejjin kumpaniji ġodda jaħdmu minn pajjiżna.