Lokali

Simon Busuttil “means business” – l-Editorjal ta’ The Malta Independent

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed juri li “he means business” u qed juri li hu Kap li jimpurtah mill-opinjonijiet tal-oħrajn u mhux mexxej awtoritarju. Dan hu l-messaġġ tal-Editorjal tal-ġurnal The Malta Independent, li llum kien iddedikat għad-diskors ta’ Simon Busuttil matul il-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN, li saret fi tmiem il-ġimgħa.

L-Editur ta’ The Malta Independent ikompli li mindu ħa t-tmexxija tal-PN f’idejh, Simon busuttil beda jbiddel l-immaġini tiegħu, bl-Editorjal jissuġġerixxi li għandu jkompli jibni fuq id-dehra tiegħu matul il-Konvenzjoni Ġenerali biex jispira u jikkonvinċi lill-poplu jivvota lill-PN. L-Editur fakkar li t-telfa tal-PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali kienet kbira u għalhekk il-Partit irid ikompli jissaħħaħ u jagħti messaġġ li mhux se jittollera abbużi u li min jabbuża se jinżamm responsabbli għal għemilu.

Dan jixhed ukoll l-attitudni tal-Partit fil-każ ta’ George Pullicino, li meta kien akkużat b’abbużi fl-għoti ta’ kuntratt ta’ pannelli fotovoltajċi, mar mill-ewwel għand il-Kummissarju tal-Pulizija u talbu jinvestiga. L-istess Simon Busuttil wiegħed ukoll li jekk l-akkużi jkunu veritiera, hu wkoll jieħu passi waqt li l-PN jerfa’ r-responsabbiltà.

L-Editorjal ikompli billi jħares ukoll lejn il-wegħda miksura tal-Partit Laburista li jibni Power Station ġdida sa Marzu li ġej. Filwaqt li jirreferi għall-attitudni tal-Oppożizzjoni, li qed titlob informazzjoni dwar dan il-proġett, jgħid li l-mod kif din il-kwistjoni ġiet trattata, tawgura tajjeb għal Oppożizzjoni b’saħħitha, li tant hi bżonnjuża f’Parlament fejn il-Gvern għandu maġġoranza qawwija.

Għall-Editur ta’ The Malta Independent, din l-attitudni turi kif il-PN qed jimxi ‘l quddiem minflok għotor taħt ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet.