Studenta Pollakka ta’ 18-il sena dalgħodu nstabet mejta fil-kamra tal-lukanda Plevna, f’Tas-Sliema, fejn kienet residenti. Mill-ewwel informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com, jirriżulta li ma dehru l-ebda sinjali ta’ vjolenza fuq il-katavru ta’ Izabela Poniedzialek (ritratt).
X’aktar li l-istudenta mietet b’mewta naturali, għalkemm f’dan l-istadju l-Pulizija mhi qed teskludi xejn u se tistenna r-riżultat tal-awtopsja u riżultati oħrajn tat-testijiet tossikoloġiċi. Jirriżulta li t-tfajla, li kienet ilha Malta madwar tliet ġimgħat, kienet ilha tħossha ma tiflaħx għal dawn l-aħħar jiem u għalhekk falliet numru ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ.
Fil-fatt, dalgħodu t-tfajla ma weġbitx lanqas għas-sejħa tal-Group Leader tagħha biex tmur għat-trasport li kellu jwassalha lejn il-lukanda Imperial, fejn kienet qed tingħata t-taħriġ. Kien f’dan il-waqt li l-Group Leader fetħet il-bieb tal-kamra, fejn sabet lil Poniedzialek bla ħajja.
L-awtopsja fuq il-katavru ta’ Poniedzialek mistennija ssir għada.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qed tmexxi inkjesta dwar il-każ.
//= $special ?>