Lokali Parlament

Talba għal gwida dwar lil min jitressqu tmien mistoqsijiet parlamentari

Id-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli talbet il-gwida tal-Ispeaker tal-Parlament biex tingħata direzzjoni lil min tressaq tmien mistoqsijiet parlamentari dwar l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol, minħabba li l-Ministru Helena Dalli li lilha sarulha l-mistoqsijiet, wieġbet biex il-mistoqsijiet ikunu indirizzati lill-Ministru kkonċernat.

Marthese Portelli infurmat lill-Ispeaker Anġlu Farrugia li l-websajt tal-Awtorità tindika li din l-entità taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Mnistru Helena Dalli.
Id-Deputata Nazzjonalista fil-Parlament irreferiet lill-Ispeaker it-tmien mistoqsijiet li għalihom mhuhmiex imwieġba u f’dan l-istadju għadha ma tistax tressaq id-domandi tagħha lill-Gvern minħabba t-tweġiba li tat il-Ministru Helena Dalli.

L-Ispeaker informa lill-membru tal-Oppożizzjoni li se jkun qed jindaga t-talba tagħha u jagħti direzzjoni mill-aktar fis.