Lokali Parlament

Appell għal aktar serjetà mill-Gvern fit-tweġibiet parlamentari

Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea appella għall-impenn u s-serjetà fil-mod kif il-Ministri tal-Kabinett tal-Gvern qegħdin jirrispondu l-mistoqsijiet parlamentari hekk kif irrefera għal sensiela sħiħa ta’ domandi li qed jitwieġbu b’mod mhux proprju, u f’okkażjonijiet ukoll b’informazzjoni żbaljata u mhux tajba.

Meta tkellem fil-ħin tal-Aġġornament ilbieraħ, id-Deputat Nazzjonalista qal li xogħol fudamentali tal-Parlament hu wkoll il-mistoqsijiet parlamentari, li jirriflettu problemi tan-nies u tal-poplu, għalkemm il-Ministri kultant ma jħossuhomx komdi bil-mistoqsijiet li jsiru.
Id-domandi mhumiex kurżitajiet, saħaq Ċensu Galea, iżda mistoqsijiet li għandhom l-intenzjoni u l-ħsieb li jaqdu wkoll il-bżonnijiet tan-nies għaliex jirriflettu l-ħtiġiet tan-nies.

Dwar il-mod kif qed jingħataw ir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari, Ċensu Galea qal li risposti bħalma huma dik li “risposta tingħata f’xi seduta oħra”, huma ta’ insult.

Fost sensiela ta’ mistoqsijiet u tweġibiet li rgħamel riferenza għalihom, Ċensu Galea rrefera għal mistoqsija dwar residenti fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar bl-ilment dwar ħafna qtugħ ta’ ilma, bir-risposta kienet li fil-postijiet imsemmija kellhom pressa baxxa.  Appella lill-Ministru Konrad Mizzi li wieġeb il-mistoqsija, biex jara x’qalu r-residenti anke fuq il-media soċjali, u li saħansitra kien hemm min qal li dam għal sigħat twal mingħajr is-servizz tal-ilma.

Id-Deputat Nazzjonalista qal ukoll kif f’ħafna okkażjonijet oħra, il-Membru Parlamentari li jkun qiegħed jagħmel xogħlu jressaq il-mistoqsijiet parlamentari, jintbagħat mingħand  Kajfa għal għand Pilatu. Bħalma kien fil-każ ta’ mistoqsija dwar fuq liema bażi twaħħlet speed camera fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, bir-risposta kienet li l-policy tista’ tinstab fuq il-websajt tal-Awtorità tat-Trasport.

Irrefera wkoll għall-aħħar diskors ta’ Karmenu Vella bħala Deputat f’din il-leġiżlatura. Filwaqt li feraħlu għall-post il-ġdid li se jibda jaqdi fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, irrefera għall-appelli u l-messaġġi li għamel, fosthom dwar l-umiltà li tkellem dwarha, kif ra l-bidliet iseħħu f’pajjizna u l-importanza tar-rispett lejn xulxin fil-Parlament u lejn il-kariga ta’ Membru Parlamenti.

Ċensu Galea qal li dawn huma appelli u messaġġi li kull membru tal-Parlament għandu josserva u jirrifletti dwarhom, u fuq kif nagħmlu d-doveri bħala Membri Parlamentari lejn l-elettorat mingħajr ma nkunu ta’ għedewwa lejn xulxin meta xi deputat jaħseb li jrid jagħmel ħsara lill-kamp politiku oppost.
Appella lill-media tagħraf twassal il-messaġġ li jkun qed iwassal fil-Parlament kull Membru Parlamentari.