Lokali

Arrestat id-Direttur Maniġerjali tal-fabbrika li allegatament qed tisfrutta ħaddiema Ażjatiċi

Il-Pulizija arrestat lil Bin Han, id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Ċiniża Leisure Clothing Limited.

Bin Han qed jinżamm biex jgħin fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-allegat sfruttar ta’ ħaddiema Ażjatiċi li qed jinġiebu Malta biex jaħdmu fl-industrija tat-tessuti u li qed jispiċċaw sfruttati b’sigħat twal ta’ xogħol u b’salarji li jammontaw għal ftit għexieren ta’ ewro fix-xahar.

Kienet il-gazzetta Il-Mument li żvelat dan l-allegat sfruttar tal-ħaddiema Ażjatiċi, bl-istorja tkun segwita kuljum mill-ġurnal In-Nazzjon u minn Net News.

Hekk kif waslitilna informazzjoni li d-direttur Manigerjali ġie arrestat, il-crew tagħna mill-ewwel mar Bulebel ħdejn il-fabbrika Leisure Clothing, u hemmhekk sibna żewġ membri tas-sigurta’ li tqabbdu mill-kumpanija Ċiniża. Hekk kif rawna, il-membri tas-sigurta’ kienu pronti jiġu jiġru warajna.

L-allegat abbuż ta’ ħaddiema Ażjatiċi miġjuba Malta biex jaħdmu f’fabbrika tat-tessuti ilu għaddej bosta snin u waħda mir-raġunijiet għaliex dan qatt ma ħareġ fil-beraħ hi għax persuni f’pożizzjonijiet għolja allegatament inxtraw u minflok fittxew l-interess veru tal-ħaddiema Ażjatiċi u rrappurtaw l-allegat sfruttament, ippreferew jagħlqu ħalqhom u joħorġu mill-fabbrika b’ilbiesi u ħwejjeġ fini, kif ukoll b’rigali oħrajn.

Dan japplika wkoll għal ħaddiema Maltin li minflok min kellu jaqbeż għalihom għamel dan, u fittex dejjem li jġib ‘il quddiem l-interessi tagħhom, ipprefera li jimbotta l-aġenda tal-kumpanija.

F’dawn il-jiem, dan is-sit iltaqa’ ma’ persuni involuti fil-kumpanija tal-Gvern Ċiniż u sema’ direttament mingħandhom diversi fatti xokkanti kif persuni influwenti jew viċin tagħhom inxtraw bi ħwejjeġ u b’affarijiet oħrajn biex ma jitkellmux dwar dak li kien ghaddej.

Fost dawn hemm persuni fil-Pulizija, fil-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema, f’Dipartimenti tal-Gvern u saħansitra f’Ministeri.