Il-Gvern ma ħareġ ebda expression of interest għax-xiri ta’ souvenirs u prodotti simili oħra li qed jinbiegħu mill-ħwienet tal-mużewijiet ta’ Heritage Malta.
Dan ikkonfermah il-Ministru Owen Bonnici, responsabbli mill-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, fi tweġiba li ta fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, li staqsa jekk inħarġitx sejħa biex jinstabu u jintgħażlu suppliers sabiex jissupplixxu lill-kumpanija ta’ Heritage Malta, b’oġġetti, souvenirs u xarbiet minerali fost l-oħrajn sabiex jinbiegħu mill-ħwienet tal-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta. Staqsa wkoll lill-Ministru jispjega għalfejn ma saritx expression of interest.
Il-Ministru Bonnici wieġeb li s-sejħa ma nħarġitx għaliex Heritage Malta qed tuża din l-ewwel sena li qed tmexxi l-ħwienet bħala prova, u biex ukoll takkwista l-esperjenza meħtieġa biex tmexxi ħwienet bħal dawn, u għalhekk baqgħet tuża suppliers li kienet ilha taħdem magħhom għal numru ta’ snin. F’kull każ m’hemmx esklussività u meta xi suppliers ikollhom xi proposta x’jagħmlu, dawn jiġu kkunsidrati.
Spjega wkoll li prodotti bħal dawn ma jistgħux sempliċement jintgħażlu fuq bażi ta’ prezz biss, iżda wkoll fuq awtenticità artistika u fuq il-fatt li huma prodotti Maltin.
Issa li għaddiet l-ewwel sena, qal il-Ministru Bonnici, expression of interest formali se tiġi ppubblikata aktar tard din is-sena.
//= $special ?>