Il-kumpanija nazzjonali tal-ajru Air Malta tilfet ir-rotta u m’għadhiex miexja skont il-pjan ta’ ristrutturar maqbul mal-Kummissjoni Ewropea. Deattalji dwar is-sitwazzjoni finanzjarja preżenti tal-Air Malta ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputati Nazzjonalisti Robert Arrigo u Kristy Debono. Robert Arrigo qal li l-pożizzjoni li tinsab fiha l-Air Malta llum qed tagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista fil-kritika tiegħu meta jsostni li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fil-kumpanija qed iwasslu biex il-linja nazzjonali tal-ajru ma tibqax miexja skont il-pjan ta’ ristrutturar.
Filwaqt li qal li l-Air Malta issa ammettiet li sa Marzu 2015 se tkun tilfet €16-il miljun, Robert Arrigio sostna li r-raġunijiet li qed iġġib il-kumpanija għal din is-sitwazzjoni mhux validi iżda huma biss skużi. Fil-fatt, l-Air Malta qed issostni li dan it-telf hu dovut għall-kompetizzjoni internazzjonali u għall-kwistjoni tal-Libja. Arrigo qal li dawn iż-żewġ kwistjonijiet kienu preżenti taħt Gvern Nazzjonalista, bid-differenza li Gvern Nazzjonalista għaraf jitrattahom. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni sostna li l-fatti jikkonfermaw li sal-2012, il-pjan ta’ ristrutturar kien miexi skont kif ippjanat.
Fost ir-raġunijiet ewlenin elenkati minn Robert Arrigo li wasslu biex l-Air Malta tinsab f’din is-sitwazzjoni hemm it-300 impjieg ġdid li saru fil-kumpanija kemm ilu li tela’ l-Gvern Laburista. Dawn l-impjiegi mhumiex meħtieġa u qed jingħataw lil persuni viċin il-GWU u viċin il-Partit Laburista biex jinżammu wegħdi li l-PL għamel qabel l-aħħar elezzjoni. Barra minhekk, hemm ukoll numru ta’ promozzjonijiet li qed iwasslu għal pagi addizjonali ta’ madwar €230,000 fis-sena fl-Air Malta. Ikkritika wkoll il-mod kif qed titmexxa l-kumpanija, filwaqt li sostna li anki ċ-Chairperson stess appellat lill-Gvern biex ma jkunx hemm interferenzi politiċi fil-kumpanija.
Min-naħa tagħha, id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li l-Gvern irid jikkunsidra dejjem li l-Air Malta għandha rwol fundamentali fit-turiżmu u fl-ekonomija tal-pajjiż. Għalhekk, id-deċiżjonijiet iridu dejjem jikkunsidraw dawn l-aspetti. Il-Gvern, sostniet Debono, għandu obbligu li jispjega x’mar ħażin biex l-Air Malta issa mhix miexa on track. Meta trattat iċ-ċifri, id-Deputat Nazzjonalista qalet li l-pjani skont il-pjan ta’ ristrutturar kienu li din is-sena l-Air Malta tagħmel qligħ ta’ €3.2 miljun, iżda fil-fatt għamlet telf ta’ €16-il miljun.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni enfasizzat l-importanza li l-Air Malta tibqa’ sostenibbli u li quddiem din is-sitwazzjoni l-Gvern hu obbligat li jkun trasparenti u jagħti d-dettalji dwar kif qed topera l-kumpanija. Filwaqt li kkritikat deċiżjonijiet maniġerjali, Kristy Debono qalet li l-Gvern għandu jikkunsida wkoll l-għajxien tal-ħaddiema u l-familji tagħhom. Hi insistiet li l-Gvern m’għandux mandat elettorali biex ibigħ l-Air Malta.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kandidat ġdid tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Aaron Micallef.
//= $special ?>