Lokali

L-MEA tikkundanna l-allegati abbużi fil-fabbrika Leisure Clothing, żvelati minn Il-Mument

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) ikkundannat bla riserva l-allegat abbuż mill-fabbrika Leisure Clothing Ltd fuq numru ta’ impjegati Ċiniżi, li kien żvelat il-Ħadd li għadda mill-gazzetta Il-Mument u li qed ikun segwit ta’ kuljum mill-ġurnal In-Nazzjon. Fi stqarrija, l-MEA qalet li mhux aċċettabbli li abbużi bħal dawn qed iseħħu f’pajjiż ċivilizzat bħal Malta.

L-MEA qalet ukoll li tinsab sorpriża kif l-awtoritajiet jieħdu miżuri drastiċi f’każijiet relattivament żgħar minn min iħaddem, iżda każijiet daqstant kbar jgħaddu mingħajr ħadd ma jagħti każhom. Appellat biex fl-ebda ċirkostanza ħadd ma japprova jew jappoġġja dawn it-tip ta’ abbużi.