Ekonomija Lokali

L-Oppożizzjoni mħassba serjament dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru

Il-Partit Nazzjonalista hu serjament imħasseb dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta. It-telf li qed tagħmel din il-kumpanija mhux konformi mal-pjan ta’ ristrutturar maqbul mill-Gvern Malti mal-Kummissjoni Ewropea. Taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, ma kienx hemm indħil politiku mill-Gvern kif qed isir illum, fejn fost oħrajn għandna sitwazzjoni fejn f’dawn l-aħħar xhur kien hemm żieda ta’ 300 impjieg ġdid mal-Air Malta u f’perjodu fejn din il-kumpanija suppost qed tagħmel pjan ta’ ristrutturar.

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal dan waqt laqgħa li kellu mal-ogħla uffiċjali tal-Federated Association of Travel & Tourism Agents (FATTA). Simon Busuttil saħaq li l-PN għandu kull intenzjoni li jżomm djalogu ħaj u miftuħ mal-għaqdiet tal-komunità ċivili. Fl-istess waqt, il-PN hu kburi b’dak li pajjiżna kiseb f’dawn l-aħħar snin u taħt Gvernijiet immexxija mill-PN stess fil-qasam tat-turiżmu. Madankollu, hemm affarijiet li qed jinkwetaw lill-Oppożizzjoni, fosthom l-Air Malta.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar l-importanza li l-pjan ta’ ristrutturar tal-linja nazzjonali tal-ajru jkun wieħed ta’ suċċess għax jekk le, dan se jwassal għal inkwiet kbir għall-ekonomija u t-turiżmu ta’ pajjiżna. Fakkar kif mit-turiżmu jiekol kulħadd, mhux biss il-ħaddiema u l-qraba ta’ min jaħdem fl-Air Malta iżda eluf ta’ eluf ta’ familji oħra. Il-Kap tal-PN żied jgħid li l-Oppożizzjoni hi serjament imħassba dwar id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru dwar il-privatizzazzjoni tal-Air Malta. Appella lill-Gvern ukoll biex jagħmel l-affarijiet b’mod trasparenti, aktar u aktar minħabba l-fatt li minn dan is-settur jiddependu setturi oħrajn importanti għall-pajjiż.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-FATTA Iain Tonna rrikonoxxa x-xogħol kbir li sar f’dawn l-aħħar snin u li wasslu biex illum pajjiżna qed igawdi minn settur turistiku b’saħħtu. Qal li llum qed ingawdu frott il-ħidma li saret fil-passat. Tonna esprima t-tħassib tiegħu u tal-FATTA dwar dak li qed jiġri preżentament fl-Air Malta. Hu wkoll tenna t-tama tiegħu li din il-kumpanija timxi mal-pjan ta’ ristrutturar kif miftiehem.

Preżenti mal-Kap tal-PN kien hemm ukoll il-Kelliem għat-Turiżmu Robert Arrigo u l-Kandidat ġdid tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Graziella Schembri.