Lokali Parlament

Paxxut fil-Gvern igawdi l-frott ta’ abbuż ta’ poter tal-passat

Il-Gvern Laburista qed iressaq fil-Parlament liġi dwar il-finanzjament tal-partiti meta l-Partit Labrista li hu fil-Gvern, illum hu paxxut igawdi l-frott ta’ abbuż ta’ poter li sar fil-passat u li permezz ta’ din l-attitudni ta’ dan il-Gvern qed tingħatat daqqa ta’ ħarta kbira lid-demokrazija.

Fid-dibattitu fil-Parlament dwar il-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti, id-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici appella lill-Gvern li jekk iridna nemmnuh li hu ġenwin, li verament irid jibda paġna ġdida, għandu jagħmel l-ewwel pass u jħallas il-valur reali ta’ dak li ħa l-Partit Laburista biex b’hekk il-partiti politiċi kollha jitilqu mill-istess punt ta’ tluq.

Biex partit politiku modern jaħdem b’effiċjenza, jeħtieġ finanzjament sostanzjali u konsistenti u ma jimxix biss bil-ftit mingħand il-ħafna. U dan fil-kuntest ukoll ta’ partiti politiċi wkoll li għandhom il-media tagħhom li jirrikjedu finanzjament qawwi.

Charlò Bonnici qal li l-abbozz ta’ liġi li jirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi hu meħtieġ. Matul is-snin saru bosta tentattivi biex il-partiti jaslu għal ftehim kif ikunu regolati, u kif jirregolaw sistema trasparenti ta’ kif jaħdmu. Iżda tali tentattivi dejjem sfumaw fix-xejn.
Fisser bħala żvilupp importanti li jkollna status kostituzzjonali ċar dwar trattament ugwali li għandu jingħata lill-partiti politiċi kif ukoll dixxiplina tal-partiti politiċi, li hu importanti mhux biss għall-partiti, iżda wkoll għad-demokrazija.

Semma’ kif ma jistax jifhem kif il-Gvern Laburista għażel li llum iwarrab il-prinċipju tal-għajnuna mill-istat biex il-partiti jkunu megħjuna finanzjarjament u jiffunzjonaw kif għandhom jiffunzjonaw.

Din il-pożizzjoni tal-lum hi ferm differenti minn deċiżjonijiet li ħa l-Partit Laburista fis-snin preċedenti.
L-għajnuna mill-istat tagħmel sens ukoll fil-konfront ta’ partiti żgħar fejn ħafna drabi ma jkunux rappreżentati fil-Parlament, iżda jkunu qed jaħdmu wkoll f’livelli ta’ politika lokali bħall-gvernijiet lokali.

Sejjaħ bħala att egoistiku minn dan il-Gvern li jaf li llum qed igawdi minn frott ta’ proprjetà li ħa jew mingħand il-pubbliku jew minn persuni privati li kieku llum għadhom igawdu minn dik il-proprjetà.

Saħaq li trid tkun verament ma tistħix biex illum tressaq fil-Parlament liġi li biha ċċaħħad l-għajnuna tal-istat lill-partiti politiċi filwaqt li jaf li l-partit fil-Gvern qed igawdi minn frott misruq jew meħud għax uża l-poter ħażin u b’mod abbużiv.

Irrefera wkoll għall-mod kif il-Partit Laburistra ħa f’idejh parti minn fabbrika tal-Gvern, l-Interprint, biex bidilha fi stazzjon tat-televiżjoni u r-radju għalih, meta ċeda proprjetà b’daqs ta’ 8,835 metru kwadru u akkwista proprjetà b’daqs ta’ 14,000 metru kwadru.

Il-Partit Laburista qed igawdi wkoll minn kirjiet baxxi u redikoli għall-kazini tiegħu u ħadu proprjetajiet oħra fil-Furjana, fil-Birgu, f’Bormla, f’Ħal Għaxaq, fil-Gudja, fl-Imsida, f’Ħal Qormi, fir-Rabat u fis-Siġġiewi – 22 post tal-Gvern b’kollox.

Semma kif għall-każini tan-Naxxar, ir-Rabat f’Għawdex u f’Santa Venera kienu jħallsu kuljum 64 ċenteżmu ta’ lira Maltija, jew ewro u nofs.
Dawn il-postijiet ħaduhom mingħajr ma ħarġu tenders jew sejħiet għall-interess għal kwotazzjonijiet. Ħafna minn din il-proprjetà ngħata b’direct order bħalma sar fil-każin fit-Tokk fir-Rabat Għawdex, li nkera b’direct allocation lill-Partit Laburista permezz ta’ skrittura privata fi Frar tal-1974.

Charlò Bonnici semma wkoll kif meta l-Partit Laburista ħa l-proprjetà f’idejh, l-ewwel sarilhom spejjeż kbar minn fondi pubbliċi mbagħad għaddew għand il-Partit Laburista. Semma kif fil-Gudja, il-post kellu jkun klinika tas-saħħa u minfok ħadu l-Partit Laburista, bħalma ħa postijiet irrekwiżizzjonati minn familji Maltin fin-Naxxar, f’Raħal Ġdid, f’Santa Venera, f’Tal-Pietà, fil-Kalkara u f’San Ġiljan..

Semma’ wkoll l-Australia Hall u l-artijiet ta’ madwarha li b’valur ta’ €10 miljun il-Gvern Soċjalista ta lill-Partit Soċjalista, biex suppost intużaw bħala kwartieri tiegħu meta ċeda x-Shipbuilding. Minflok ma użah għal dan l-iskop, kera partijiet minnu u daħħal ħafna flus u wara ħalla l-post jiġi żdingat.

U fit-22 xahar li l-Partit Laburista ggverna bejn l-1996 u l-1998 saret pressjoni kbira mal-MEPA biex tnaqqas mill-protezzjoni li kellu l-bini u kif reġa’ tela’ fil-Gvern is-sena l-oħra, waqqa’ l-kawża fil-Qorti kontra l-Partit Laburista dwar l-Australia Hall biex il-Partit Laburista jgawdi mill-massimu ta’ din il-proprjetà.

Tkellem ukoll dwar numru kbir ta’ billboards li rajna mill-Gvern u li wara ntużaw mill-Partit Laburista, u kkummenta li dan iwassal għal ħafna mistoqsijiet dwar min ħallas ta’ xiex u għal xiex.

Dwar aspetti oħra tal-liġi proposta, Charlò Bonnici qal li l-prinċipju li wieħed jikkontribwixxi finanzjarjament favur partit politiku hu xi ħaġa pożittiva għaliex hu mezz ieħor kif wieħed jipparteċipa fil-politika.