Rebbieħ tal-“Power Lifting” akkuża lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija li jinvestiga rapport li huwa għamel ħames xhur ilu dwar theddid li sar fuqu minn membri tal-Korp tal-Pulizija.
Francis Spiteri ta’ 65 sena , Champions tal-“World and European Power Lifting”, ippreżenta protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-konfront tal-Aġent Kummissarju tal-Pulizija, s-Surġent Kristian Mintoff u l-Kuntistabbli Ryan Agius, fejn qal li Agius, għax jgħir għalih għamillu l-ħsara fil-karozza, u dan biex ma jkunx jista’ jipparteċipa f’kompetizzjonijiet oħra.
Francis Spiteri miż-Żejtun qal li fl-2012 u fl-2013 rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja u l-Kampjonat Ewropew fil-Power Lifting fil-kategorija tiegħu, Master 5, li hija miftuħa għal dawk li għandhom bejn 60 u 65 sena.
Huwa semma wkoll kif din is-sena rebaħ anke l-Kampjonat tad-Dinja tal-Isquat, Single Lift, u dak tad-Dead Lift, Single Lift, fil-kategorija tiegħu li hija magħrufa bħala Master 6 u li hija miftuħa għal dawk li għandhom ’il fuq minn 65 sena. Minbarra hekk kiser ukoll tliet records, waħda dinjija fl-Isquat u tnejn Ewropej fl-Isquat u d-Dead Lift fil-kategoriji tiegħu.
Huwa qal li l-Kuntistabbli Agius anke heddu minn fuq it-telefon ħames xhur ilu u kien mar jagħmel rapport l-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla u talba biex tittieħed azzjonio kriminali kontra l-Kuntistabbli.
Huwa qed jallega li minkejja dan kollu l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija, “abbużivament u illegalment” naqas lu jieħu azzjoni. Spiteri u anke ż-żewġ Pulizija huma wkoll membri tal-Malta Drug Free Power Association.
Huwa qed jitlob lil Surġent tal-Pulizija biex iħallih bi kwietu u wissieh li jekk jibqa’ jdejqu b’għemilu, se jżommu responsabbli għal kull danni li jista’ jsofri minħabba l-aġir “illegali u abbużiv” tiegħu.
Spiteri qal li minkejja s-suċċess kbir li kiseb għalih personalment kif ukoll għal Malta, il-ħajja għalih la kienet u lanqas hija faċli fejn semma kif membri oħra li jiffrekwentaw il-Malta Drug Free Power Association, li tagħha huwa membru, qed jagħmlu dak kollu possibbli sforz l-għira li għandhom għalih biex jostakolawh u jtellfuh milli jkompli jieħu sehem f’kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali.
Fost dawn huwa semma b’isimhom lis-Surġent Kris Mintoff u lill-Kuntistabbli Ryan Agius li kienu l-President u t-Teżorier rispettivament fl-istess kumitat. Huwa semma kif kien kostrett li jirrapporta lill-Kuntistabbli Agius u jitlob spettur tal-Pulizija fl-Għassa ta’ Bormla biex jiftaħ proċeduri kriminali kontrih.
Dan talli fit-22 ta’ Mejju li għadda, fl-10.00 p.m. ġewwa l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, permezz tat-telephone Agius heddu, kellmu ħażin u insulentah.
Spiteri qal li għalkemm għaddew ħames xhur mill-inċident, il-Kummissarju tal-Pulizija naqas milli jipproċedi kriminalment kontra l-Kuntistabbli Agius tant li llum kull akkuża li tista’ tinħareġ kontrih hija preskritta.
Fil-konfront tas-Surġent Mintoff, Spiteri semma kif kienu diversi l-okkazjonijiet fejn dan ingannah u rredikolah waqt li akkużah ukoll li qed iżommu nieqes minn informazzjoni importanti dwar kompetizzjonijiet li jkunu se jsiru biex jitlifhom.
Spiteri allega wkoll li s-Surġent Mintoff qed jipprova jkissirlu l-moral billi jgħajru bid-difetti personali u qed jippretendi li jħallas għall-apparat biex jintuża mill-assoċjazzjoni tant li ġieli talbu ħlasijiet mingħajr ma tah sodisfazzjon kif intefqu l-flus.
Permezz tal-Avukat Frank Cassar, Spiteri talab lis-Surġent Mintoff biex jieqaf idejqu waqt li qed iżomm lill-Kummissarju tal-Pulizija responsabbli għad-danni li jista’ jsofri minħabba l-aġir tal-Kuntistabbli Agius.
//= $special ?>