Internazzjonali

Ajruplan ċivili mil-Latvja fiċ-ċentru ta’ drama

IR-RENJU UNIT: Żewġ ajruplani Typhoon tar-Royal Air Force (RAF) telgħu mill-bażi ta’ Coningsby biex jinterċettaw ajruplan ċivili u jeskortawh lejn l-ajruport ta’ Stansted, f’Londra, wara li dan qajjem l-inkwiet għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru.

L-ajruplan inkwistjoni – tat-tip Antonov u li jintuża għat-trasport – niżel l-art mingħajr inċident waqt li l-ajruplani militari pprovdewlu skorta. Waqt din id-drama, l-inħawi ta’ Kent dwew kaġun tal-boom soniku mit-Typhoons huma u jtiru minn fuq l-inħawi.

L-Antonov hu proprjetà tal-kumpanija RAF-Avia, tal-Latvja, u kelliema għal din il-kumpanija sostnew li l-ajruplan kien qed iġorr il-partijiet tal-vetturi waqt vjaġġ lejn l-ajruport ta’ Birmingham.

L-ajruplan kien telaq minn Toscara, fl-Italja, qabel niżel fi Franza minn fejn imbagħad, kompla bil-vjaġġ lejn ir-Renju Unit. Kien mistenni li t-titjira tintemm f’Birmingham, iżda l-ajruplan ma kkonkludiex il-vjaġġ għal raġunijiet li ma kinux spjegati.

Imkejjan qrib l-RAF-Avia li kienu qed jitkellmu f’Riga semmew il-probabbiltà ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza u sostnew li ma jafux x’ġara, eżattament.

Din il-kumpanija ta’ spiss twassal il-partijiet tal-vetturi u merkanzija oħra għall-impjanti madwar l-Ewropa u hu mifhum li din hi l-ewwel darba li l-RAF-Avia spiċċat involuta f’sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Il-ħoss tat-Typhoons – li kissru s-sound barrier huma u jsegwu l-movimenti tal-Antonov – qajjem mumenti ta’ ansjetà fost ir-residenti ta’ Kent li ħasbu li kienet seħħet xi splużjoni. Fil-fatt, l-iskwadri ta’ Londra għat-tifi tan-nirien tpoġġew fuq allert sakemm l-awtoritajiet saru jafu l-kaġun tal-ħoss qawwi li qajjem ferment fl-inħawi ta’ Dartford, Sevenoaks, Kemsing, Faversham, Maidstone u Tunbridge Wells.

Kelliema għall-RAF qalu, aktar tard, li l-Antonov kien qed iħasseb lill-kontrolluri tal-ajru u li r-reazzjoni tat-Typhoons kienet tirrikjedi li jivvjaġġaw b’veloċità supersonika.