Wara li fil-jiem li għaddew MaltaRightNow.com u l-programm NewsFeed fuq NET Television żvelaw storja dwar serqa f’residenza fil-Mellieħa u diversi serqiet oħrajn, il-Pulizija arrestat raġel residenti Birkirkara. Jidher li ftit sigħat wara li bdew iduru r-ritratti tar-raġel waqt li allegatament kien qed jipprova jisraq, mar jaqta’ xagħru biex ma jintarafx.
Ir-raġel, Jason Scerri ta’ 40 sena minn Ħal Balzan, tressaq il-Qorti llum u weħel 12-il xahar priġunerija wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrieh. Ir-raġel, li hu magħruf sew mal-Pulizija, tressaq quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale akkużat li kkommetta serq ta’ flus u deheb minn villa f’Santa Maria Estate fil-Mellieħa.
Scerri għandu problema kbira ta’ droga u qal li bħalissa jinsab fuq il-methadone biex jipprova jieqaf mill-vizzju. Hu ammetta li wettaq is-seqa f’Awwissu li għadda u li seraq flus u deheb b’valur ta’ €2,060. L-akkużat inqabad permezz ta’ sistema sofistikata li tiġbed ritratti minn angoli differenti meta xi tħoss lil xi ħadd fil-viċinanzi.
Wara li ġew ippubblikati ir-ritratti, Radio 101 tkellem ma’ diversi residenti fil-Mellieħa li allegatament kienu fil-mira tal-ħalliel. Huma tkellmu dwar l-esperjenza qarsa li għaddew minnha, hekk kif skoprew li xi ħadd daħal f’darhom u seraqhom. Waħda minn dawn il-persuni rrakkontat li anke lilha daħlulha fid-dar u serquha.
Madankollu, wara li seraqha l-ħalliel reġa’ lura d-dar tagħha u qalilha li jiddispjacih li seraqaha. Permezz ta’ kitba li ħallielha fuq karta, qalilha wkoll li għandu tlett itfal iżda għandu l-problema tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni fil-kawża ta’ Scerri tmexxiet mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Maurice Curmi, filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Yana Micallef Strafrace dehret għall-akkużat.
Jekk għandkom xi storja għamlu kuntatt magħna fuq editor@maltarightnow.com.
//= $special ?>