Kemm-il darba fl-aħbarijiet ta’ barra smajna b’fabbriki li jħitu l-ħwejjeġ f’pajjiżi foqra u li jisfruttaw lill-ħaddiema b’mod oxxen b’sigħat twal ħafna ta’ xogħol, pagi miżeri u sigurtà ta’ xejn. Wara inċidenti li seħħew f’fabbriki, fosthom fil-Bangladexx, fejn mietu ħafna ħaddiema, id-ditti rinomati dinjin li għalihom iħitu ħwejjeġ dawn il-fabbriki qablu fuq kundizzjonijiet tax-xogħol umani u sigurtà għal dawn il-ħaddiema.
Aħbar li tixxokkja d-doppju
Dawn huma aħbarijiet li f’pajjiżi bħal Malta bħal donnu narawhom xi mkien ieħor ‘il bogħod, tiġina ftit ħasra, u nkomplu nqallbu. Imma issa kellna aħbar fil-gazzetta tal-Ħadd Il-Mument u li kompliet f’din il-gazzetta; aħbar li tixxokkja lill-qarrej id-doppju: tixxokkja bid-deskrizzjoni tal-isfruttament f’fabbrika partikolari, u tixxokkja għax din il-fabbrika mhix qiegħda f’xi pajjiż ‘il bogħod tat-tielet dinja imma f’Malta.
Rappurtaġġ investigattiv u riċerkat b’informazzjoni awtentika
Ir-rappurtaġġ investigattiv u riċerkat tajjeb ħafna bl-informazzjoni awtentika tal-ħaddiema f’din il-fabbrika u bir-ritratti ta’ fejn jaħdmu u fejn qed jinżammu żvela r-realtà tal-fabbrika Leisure Clothing fil-qasam industrijali ta’ Bulebel. Din hi fabbrika tal-Gvern Ċiniż. Fiha qed jitħaddmu żgħażagħ mill-Asja, fosthom mill-Vjetnam. Dawn jiġu mħajrin bil-wegħda ta’ paga ta’ 600 ewro fix-xahar, li għalihom hi paga għolja. Imma jinżammu – għax hekk trid tgħid – f’hostel li hemm Ħal Far effettivament imsakkrin fi swali tal-irqad wara twieqi mbarrati.
Miżmumin imsakkrin f’taparsi hostel
Ngħidu swali tal-irqad għax filgħodu kmieni jittieħdu bil-privates fil-fabbrika tal-Gvern Ċiniż f’Bulebel u, wara sigħat twal ta’ xogħol, jittieħdu lura fis-suppost hostel biex jorqdu f’gabubi żgħar b’ħafna żgħażagħ fuq xulxin. Fil-hostel hemm arja ta’ telqa u ħmieġ liema bħalha u dawn il-ħaddiema sfruttati jaħdmu anke fi tmiem il-ġimgħa.
Jitħallsu 150 ewro fix-xahar jew anqas u jżommilhom il-flus ħalli ma jaħarbux
Il-wegħda li jaqilgħu 600 ewro fix-xahar malajr tgħib meta jiġu Malta għax min iħaddimhom inaqqsilhom mill-paga ħlas għoli għal-lodging fil-hostel, għat-trasport u għall-ikel u x-xorb hekk li jibqagħlhom forsi 150 ewro fix-xahar. U jżommilhom mill-paga ammont ta’ flus li jibqa’ ma jagħtihomlhomx ħalli ma jaħarbux. Imma żewġ tfajliet ippruvaw jaħarbu u din l-istorja li tixxokkja b’hekk spiċċat f’idejn il-Pulizija.
Il-Gvern Malti għandu jgħin lill-Pulizija tinvestiga u tieħu passi
Il-liġijiet dwar il-ħarsien tal-ħaddiema f’Malta jgħoddu għal kulħadd f’Malta, hu min hu. Huma ta’ tħassib ir-rapporti li l-Pulizija l-ewwel bdew jinvestigaw dal-każ imbagħad waqfu għax waslet ordni minn xi mkien. Il-Gvern Malti għandu obbligu kbir jgħin lill-Pulizija tinvestiga u tieħu passi biex Malta tagħti sinjal lil kulħadd, hu min hu, li l-isfruttament tal-ħaddiema hawn Malta mhux naċċettawh imma niġġildulu.