L-Abbozz ta’ liġi dwar il-finanzjament tal-partiti u l-proposti li qed tressaq l-Oppożizzjoni fil-Parlament, għandhom jgħinu biex il-partiti politiċi titnaqqsilhom l-indipendenza finanzjarja minn ċertu influwenzi kummerċjali li jxejnu lill-partiti milli jieħdu deċiżjonijiet korretti.
Fl-interess tal-poplu, hu importanti li jkollu sistema korretta ta’ finanzjament tal-partiti li parti minnha tiġi mill-istat, biex il-partiti jkunu kapaċi li meta jkunu fil-Gvern ma jiġux kundizzjonati meta jieħdu deċiżjonijiet li jkunu biss fl-interess tal-poplu.
Dawn l-appelli għamilhom fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech li qal li din il-liġi hi importanti għaliex jekk irridu demokrazija serja, tajba u li ġġib il-ġid, irid ikun hemm qafas li jirregola l-partiti.
L-Opppożizzjoni taqbel dwar dan, iżda hemm ħsibijiet fuq elementi li l-Oppożizzjoni tħoss li l-Gvern għandu jikkunsidra, bħalma hu l-għażla tar-regolatur li għandu jkun ħieles ukoll minn kull influwenza tal-partiti.
Tonio Fenech qal li rridu nsibu bilanċ fejn għandu jasal il-gvern fl-appoġġ lill-partiti, u sa fejn jitħallew il-partiti jiksbu għajnuna finanzjarja permezz ta’ donazzjonijiet, mhux kbar. Fisser li donazzjonijiet kbar ipoġġu piż, iżda donazzjonijiet żgħar fuq livell ta’ individwi jgħinu biex il-partiti politiċi jaqdu l-funzjoni importanti tagħhom.
Id-demokrazija, li l-poplu jagħżel lil min imexxih, għandha wkoll id-dgħufija tagħha għaliex il-partit fil-Gvern irid jilgħab ħafna drabi, u jkun ikkundizzjonat minn dak li jġib il-voti u mhux f’dak li jkun l-aħjar u fl-interess tal-poplu. Ir-realtà hi li min jipposponi d-deċiżjonijiet biex ikun popolari jgħix f’realtà li tista’ tħalli impatt negattiv, bħalma hi l-istorja tal-Greċja li għadha tbati l-konsegwenzi sal-lum. Storja ta’ pajjiż li kellu partiti politiċi li ma jiħdux deċiżjonijiet iebsa, u kien għalhekk li l-pajjiż refa’ l-piż ta’ dan.
Tonio Fenech qal li gvernijiet Nazzjonalisti ħadu deċiżjonijiet iebsa li wkoll kellhom prezz, u li rrifletta wkoll fl-għażla tal-elettorat.
Tonio Fenech qal li pajjiżna wkoll irid iħares lejn dak li qed jiġri fl-Ewropa hekk kif Malta għadha fost il-ftit, jekk mhux l-uniku, fejn l-istat ma jgħinx lill-partiti politiċi.
Filwaqt li fakkar li Muscat, bħala Kap tal-Oppożizzjoni, għamel is-suġġeriment li l-partiti jieħdu €5 għal kull vot li jikseb fl-elezzjoni, appella biex inħarsu lejn din il-liġi mhux b’partiġjaniżmu iżda b’lealtà lejn id-demokrazija li tkun imsaħħa biex ma tkunx dipendenti fuq influwenzi li ma jagħmlux ġid lill-poplu.
Appella biex nagħmlu l-pass kuraġġuż li nispjegaw lin-nies favur livell ta’ finanzjament lill-partiti, u dwar l- istandards dwar x’għandu jkun finanzjat u liema huma l-attivitajiet li għandhom ikunu finanzjati.
Meta tkellem dwar is-saħħa finanzjarja tal-partiti, id-Deputat Nazzjonalista qal li hu fatt storiku li mhux il-partiti kollha ndaqs, għax il-Partit Laburista għandu 28 każin li ħadhom b’abbuż ta’ poter, u l-partiti oħrajn li mhumiex fl-istess ekwità. U llum qed ikompli joġġezzjona għax l-Oppożizzjoni qed tipproponi struttura serja u li ma tiddiskriminax. Is-serjetà titlob, qal Tonio Fenech, li l-partiti jkollhom ekwiparazzjoni, u ekwità b’mudelli wkoll ta’ pajjiżi oħra Ewropej.
Appella li jekk irridu liġi li tbiddel l-istorja tal-pajjiż, trid tkun liġi li tibni u ssaħħaħ id-demokrazija u li tassigura li l-partiti politiċi jingħataw dak li hu korrett li jingħataw mill-istat.
Dak li jingħata mill-privat, fisser Tonio Fenech, irid ikun ikkontrollat, iżda l-liġi għandha wkoll tassigura li l-istat iħares lejn il-partiti bħala pont bejn l-istituzzjonijiet u l-individwu.
//= $special ?>