Sport

Hamilton ifittex il-ħames rebħa konsekuttiva

FORMULA 1: Illum jibdew il-provi liberi għall-Grand Prix tal-Istati Uniti u l-lider u sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton se jkun qed ifittex il-ħames rebħa konsekuttiva biex ikompli jersaq lejn ir-rebħ tat-titlu.

Hamilton beda jikseb rebħa wara l-oħra mill-Grand Prix tal-Italja biex b’hekk, fil-21 ta’ Settembru kien rebaħ f’Singapore biex tela’ jokkupa l-ewwel post tal-klassifika. Is-sewwieq Ingliż kompla jkabbar il-vantaġġ tiegħu fuq sieħbu Nico Rosberg b’rebħiet fil-Ġappun u fir-Russja.

Il-vantaġġ li għandu Hamilton bħalissa fuq Rosberg hu dak ta’ 17-il punt. Jekk Hamilton jirbaħ nhar il-Ħadd li ġej u Rosberg jirbaħ l-aħħar żewġ Grand Prix (Brażil u Abu Dhabi) b’Hamilton warajh fit-tieni post, l-Ingliż jirbaħ it-titlu. Jekk iseħħ hekk Hamilton jispiċċa b’total ta’ 370 punt filwaqt li Rosberg ikollu tliet punti inqas minnu. Jekk Hamilton jirbaħ fl-Istati Uniti, jispiċċa t-tielet fil-Brażil u t-tieni f’Abu Dhabi u Rosberg jirbaħ fil-Brażil u f’Abu Dhabi, iż-żewġ sewwieqa jispiċċaw bl-istess ammont ta’ punti (367) imma jkun Hamilton li jirbaħ it-titlu għax ikun rebaħ aktar tiġrijiet. Ta min jiftakar li fl-aħħar GP ta’ Abu Dhabi se jingħataw punti doppji.

Din se tkun it-tielet darba fl-istorja li se jkun qed isir f’Texas u sena ilu t-tellieqa intrebħet minn Sebastian Vettel li kien beda mill-pole position. Fil-Grand Prix inawgurali fl-Istati Uniti, fl-2012 kien fil-fatt Hamilton li rebaħ it-tellieqa meta kien għadu mal-McLaren.

Strateġija tajba f’dan il-GP hi li kemm jista’ jkun sewwieq jevita li jagħmel ħafna pitstops. Fit-tellieqa ta’ sena ilu l-ewwel 12-il sewwieq li spiċċaw it-tellieqa kienu daħlu darba biss fil-garaxx.