Edukazzjoni Ekonomija Lokali

Imnedija l-istrateġija għal tagħlim matul il-ħajja

Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku (MCESD) tħabbru dettalji dwar l-istrateġija nazzjonali għat-tagħlim matul il-ħajja – strateġija li tkopri sas-sena 2020.

L-istrateġija bħalissa tinsab fil-fażi ta’ konsultazzjoni, li sejra sal-14 ta’ Diċembru.

Fost il-kelliema waqt il-konferenza li matulha tħabbru dettalji dwar din l-istrateġija kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili Helena Dalli.

Helena Dalli qalet li l-istrateġija għandha l-għan li żżid l-edukazzjoni u t-taħriġ fost l-adulti. Għandha l-għan ukoll li timbotta livell ogħla ta’ edukazzjoni anke’ fost żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola bi ftit taħriġ jew xejn.

Min-naħa tiegħu Evarist Bartolo qal li l-kunċett tal-edukazzjoni matul il-ħajja huwa marbut ma’ strateġiji oħra tal-Gvern, fosthom l-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni (2014-2024), il-politika tal-Gvern biex aktar żgħażagħ jispiċċaw mill-edukazzjoni tagħhom b’aktar ħiliet u l-politika tal-Gvern li jżid l-impjiegi.

Fid-diskors tiegħu il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo kkumpara s-sitwazzjoni fil-qasam tat-tagħlim matul il-ħajja f’Malta mas-sitwazzjoni fiċ-Ċina, fejn qal li fiċ-Ċina t-tfal jirnexxu għax il-poplu Ċiniż għandu mentalita’ ta’ asġirazzjonijiet għolja ħafna għal matul ħajjithom.

Hu qal li fl-aħħar jiem ħarġet statistika inkwetanti li turi li nofs l-impjiegi li nħolqu marru għand nies li ma twieldux f’Malta jew f’Għawdex, u dan jista’ jkun konsegwenza tal-fatt li f’Malta m’hawnx nies bil-ħiliet meħtieġa jew inkella għax ma jridux jagħmlu ċertu xogħol.