Ambjent Lokali Unjoni Ewropea

Ir-raħħala m’għandhomx jiġu mċaħħda minn fondi mwegħda tal-UE – Therese Comodini Cachia

Il-Gvern għandu jwettaq dak li jwiegħed u l-flus imwiegħda lir-raħħala biex jinbnew tined għall-irziezet tagħhom għandhom jintefqu għal dan l-iskop u mhux għal xi ħaġa oħra. Qalet dan l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Therese Comodini Cachia waqt diskussjoni li saret fl-uffiċju tal-Partit Nazzjonalista fis-Siġġiewi.

L-Ewroparlamentari Maltija kkritikat din id-deċiżjoni tal-Gvern li ma jgħaddix fondi mwegħda lir-raħħala. Fondi importanti partikolarment għall-industrija tal-baqar.

Therese Comodini Cachia kienet qed titkellem waqt diskussjoni organizzata mill-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fis-Siġġiewi, li matulha ġew trattati l-oqsma tal-edukazzjoni u ż-żgħażagħ – oqsma li l-Ewroparlamentari Nazzjonalista hija involuta direttament fihom fil-Parlament Ewropew permezz ta’ kumitat li jiddiskuti dawn it-temi.

Semmiet kif ressqet proposta quddiem dan il-kumitat Parlamentari biex isir studju dwar kif l-edukazzjoni li tingħata liż-żgħażagħ għandha tkun tirrifletti l-bżonnijiet fil-qasam tal-impjiegi. Waqt id-diskussjoni pparteċipaw numru ta’ membri mill-pubbliku li attendew, fosthom żgħażagħ.

Cristina Cefai li ssegwi kors dwar l-Istudji Ewropej fl-Universita’ ta’ Malta tkellmet dwar l-importanza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tax-xogħol għaż-żgħżagħ u l-opportunitajiet ta’ xogħol li din toffri.

Michael Piccinino li jsegwi l-kors tal-Liġi fl-Universita’ iffoka fuq l-Unjoni Ewropea u l-programmi ta’ edukazzjoni li din toffri u kif dawn il-programmi jinkludu wkoll element ta’ taħriġ.

Id-diskussjoni kienet l-ewwel f’sensiela ta’ laqgħat organizzati mill-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fis-Siġġiewi.