L-Oppozizzjoni se tkun ukoll qed tipproponi fil-Parlament, li r-regolatur li se jkun qed jiskrutinja u jirregola lill-partiti politiċi jkun il-Kummissarju għall-Istandards Politiċi u mhux il-Kummissjoni Elettorali għaliex il-Kummissjoni Elettorali mhix indipendenti u ma tirrispondix lill-Parlament.
Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet fil-Parlament fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li qed iressaq il-Gvern dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, li r-regolatur għandu jkun il-Kummissarju għall-Istandards Politiċi maħtur mill-Parlament. Fissret li m’għandux ir-regolatur ikun il-Kummissarju Eelettorali Prinċipali għaliex saħqet li l-Kummissjoni Elettorali tgawdi maġġoranza tal-Gvern minħabba li l-Kummissarju Elettorali Prinċipali hu maħtur mill-Gvern, b’erba’ membri rappreżentanti tal-PN u l-erbgħa l-oħra tal-Partit Laburista.
Semmiet ukoll li għalkemm hemm pajjiżi li jużaw il-Kummssjoni Elettorali bħala regolatur, il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Elettorali hi differenti għax tkun indipendenti u tirrispondi lill-Parlament għax tkun maħtura mill-Parlament.
Fissret li l-Oppożizzjoni hi favur liġi li tirregola l-funzjonijiet u l-finanzjament tal-partiti politiċi, iżda dan l-iskrutinju għandu jsir b’liġi serja u effettiva.
Paula Mifsud Bonnici sejħet bħala u-turn il-pożizzjoni li għandu llum il-Partit Laburista fil-Gvern, li mhux qed jaqbel li l-partiti jkunu finanzjati mill-istat kif kien jaħsiba meta kien fl-Oppożizzjoni.
Konvinta, qalet Paula Mifsud Bonnici, li l-u-turn illum tal-Partit Laburista hi għax hu fil-Gvern u għax hekk jaqbillu – pożizzjoni li tkompli tikxef l-ipokresija ta’ dan il-Gvern li llum jgħid ħaġa, u l-għada oħra.
Staqsiet x’seta’ nbidel jekk il-Gvern jemmen f’dak li jippriedka, u jwettaq dak li jgħid. Staqsiet ukoll għaliex il-Gvern qiegħed jibża’ li jdaħħal l-għajnuna tal-istat lill-partiti fil-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti. Paula Mifsud Bonnici spjegat ukoll li l-kunċett ta’ public funding jeżisti f’diversi pajjiżi, fejn hemm sistemi differenti li jinkludu wkoll partiti li mhux rappreżentati fil-Parlament.
Paula Mifsud Bonnici semmiet kif esponenti Laburisti, bħalma huma Alfred Sant, Jimmy Magro u Michael Falzon, kollha kienu esprimew sitwazzjoni favur l-għajnuna finanzjarja mill-istat lill-partiti.
Irreferiet ukoll għal każi speċifiċi ta’ abbuż ta’ poter tal-Partit Laburista fi proprjetajiet li ħataf fis-snin l-imgħoddija mill-pubbliku u mill-privat.
F’Ta’ Xbiex il-Partit Laburista għandu żewġ properjetajiet tal-Gvern fil-pussess tiegħu b’kirja ta’ €279.52 u €817.60 fis-sena rispettivament
Dwar il-każin tar-Rabat Għawdex, dan ingħata lill-Partit Laburista fi Frar 1982, u l-fond kien użat mid-Dipartiment tal-Agrikultura, b’kera ta’ €279.52 fis-sena, jiġifieri f’76 ċenteżmu kuljum. Fl-1984, il-Gvern nefaq eluf kbar ta’ liri dak iż-żmien biex jagħmel xogħlijiet estensivi f’dan il-post, u beda jgawdih il-Partit Laburista, u hekk għadu sal-lum.
Il-Każin Laburista tal-Rabat, qiegħed f’idejn il-Partit Laburista b’ċens perpetwu, b’€160.73, jiġifieri 44 ċenteżmu kuljum b’direct allocation. Kienet kirja li wara sentejn ġiet konvertita f’ċens perpetwu. Wara ġiet esproprijata
biċċa miz-zuntier tal-Knisja ta’ San Pawl u mgħoddija lill-Partit Laburista.
Il-fond ta’ Raħal Ġdid f’Misraħ Antoine de Paule, ingħata b’ċens temporanju għal €5.17 fis-sena, jiġifieri ċenteżmu u xi ħaġa kuljum.
Difffferenz akbira bejn iż-żewġ partiti hi li fejn topera l-media tal-Pn hi proprjetà tal-PN, iżda minn fejn qed topera l-media tal-Partit Laburista mhix tiegħu u hi proprjetà tal-Gvern.
Dan il-Gvern illum, fissret Paula Mifsud Bonnici, Laburista, hu galantom mhux iżda mal-ħaddiem jew mal-batut u l-anzjani, iżda galantom miegħu nnifsu u agħar minnhekk, bi proprjetà ta’ ħaddieħor.
Ir-regolatur għall-finanzjament tal-partiti għandu jkun il-Kummissarju għall-Istandards Politiċi maħtur mill-Parlament
