It-theddida tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Manwel Mallia li jieħu passi dixxiplinarji kontra min jikxef l-abbuż hija theddida serja u li għandha tqajjem tħassib kbir.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Jason Azzopardi qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta l-Ħamis filgħodu. Hu kien akkumpanjat mill-Kandidata ġdida tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Alessia Psaila Zammit.
It-Tlieta fil-Parlament Manwel Mallia hedded li jittieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ Pulizija li jikxfu xi informazzjoni. Hu kien qed jitkellem fi tmiem dibattitu dwar il-liġi li tippermetti lill-Pulizija biex jissieħbu f’union.
Jason Azzopardi staqsa kif uffiċjal tal-Korp jista’ jħossu komdu li jikxef l-abbużi li jsiru jekk se jkollu din it-theddida mdendla fuq rasu. Qal li bid-dikjarazzjoni serja u inkwetanti tiegħu, Manwel Mallia kixef il-maskla tal-Gvern Laburista, Gvern li jrid jaħbi.
Bid-dikjarazzjoni tiegħu Manwel Mallia wera kif il-Gvern Laburista mar għal kollox kontra l-principji tal-liġi tal-whistleblower li tant jiftaħar biha, apparti li kkonferma dak li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tirrimarka dwar it-tmexxija ħażina u inkompetenti tal-Ministru.
Jason Azzopardi semma wkoll numru ta’ okkazjonijiet fejn il-Gvern wettaq tattici ta’ bullying li jieħdu lil pajjiżna fil-passat u f’perjodu iswed tal-politika Maltija, fosthom it-twaqqif abbużiv ta’ proċeduri kriminali mill-ex Kummissarju tal-Pulizija, l-arrest ta’ persuni innoċenti fuq akkużi ta’ hold-up u l-frame-up li sar biex jissallab min għamel dmiru, l-għajbien ta’ żewġ tankers maqbudin b’ordni tal-Qrati minn taħt għajnejn l-Armata, il-bsaten fir-roti lill-OLAF mill-Gvern f’investigazzjoni serja ħafna, il-fatt li l-Korp tal-Pulizija spiċċawlu l-flus tal-overtime u spicca Korp tat-tlaqqit, il-fatt li l-Korp fetaħ għassa bla permessi tal-MEPA.
Theddida li tieħu lil pajjiżna fil-passat u f’perjodu iswed tal-politika Maltija
Semma wkoll kif inghataw promotions lil tal-qalba fl-Armata mingħajr is-security clearance skond il-liġi u minghajr rakkomondazzjoni skond il-liġi, kif Pulizija tal-qalba qed jipprovdu protezzjoni lill-barranin li qed jiġu biex japplikaw għax-xiri taċ-ċittadinanza u l-mod kif inghataw transfers vendikattivi fil-Korp tal-Pulizija
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Kandidata ġdida tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Alessia Psaila Zammit li qalet li l-politiku li jkollu moħħu mistrieħ li l-entitajiet li hu responsabbli minnhom jkunu qed jiffunzjonaw b’mod trasparenti u korrett, ma jħossx il-bżonn li jagħmel kummenti bħal ma għamel il-Ministru Mallia.
Hi spjegat li meta entitajiet jiffunzjonaw b’mod tajjeb u korrett, il-politiku jkollu serħan il-moħħ li l-entitajiet jkunu qed jieħdu l-passi meħtieġa kontra abbużi jew imġieba mhux xierqa.
//= $special ?>