Lokali

L-ISFRUTTAMENT TA’ AŻJATIĊI: fizzjal tal-Pulizija li allegatament ixxaħħam

Wara li l-ġurnal In-Nazzjon ilbieraħ svela kif matul is-snin li għaddew kien hemm numru ta’ persuni f’pożizzjonijiet importanti u influwenti li xxaħħmu biex dawru ħarsithom mill-allegat sfruttament ta’ Asjatiċi fil-fabbrika Leisure Clothing (factory) Limited, illum dan il-ġurnal jinsab f’pożizzjoni li jisvela li anki fil-preżent hemm Fizzjal fil-Korp tal-Pulizija li allegatament jixxaħħam għall-favuri li jagħmel lill-istess kumpanija.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon għaddewlna numru ta’ fatti u ċirkustanzi dwar kif dan il-Fizzjal, talli jgħin, iħaffef ċerti proċeduri u joħroġ minn triqtu biex jakkomoda lit-tmexxija ta’ Leisure Clothing, allura jkun ikkumpensat kemm b’ilbiesi sbieħ ta’ ċerti ditti kif ukoll b’rigali oħra.
Is-sorsi żiedu li ma jeskludux il-possibbiltà li awtoritajiet ogħla fil-Korp jafu tajjeb min hu dan il-Fizzjal. Kemm-il darba dan hu minnu allura l-mistoqsija hi sempliċi ħafna – kif ma jitteħdux passi biex abbużi bħal dawn jitwaqqfu minnufih?

Kien jiġi kkumpensat b’ilbies ta’ ditti fini

Madankollu nifhmu li dan il-Fizzjal ma kellu x’jaqsam xejn mal-fatt li lejn tmiem is-sajf li għadda l-Pulizija waqfu jew twaqqfu milli jkomplu jinvestigaw dan il-każ – xi ħaġa li l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija, anki permezz ta’ korrispondenza uffiċjali, jiċħad li ġara.

Kif svelajna fil-jiem li għaddew kollox sbroffa meta erba’ Asjatiċi ppruvaw jaħarbu minn Malta permezz ta’ dokumenti foloz. Dawn inqabdu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u bdew ikunu investigati. Waqt l-interrogazzjoni huma svelaw il-mottiv għaliex kienu qed jippruvaw jaħarbu minn Malta. Svelaw ukoll fejn kienu jaħdmu u kif huma, flimkien ma’ madwar 260 ħaddiem Asjatiku ieħor, kienu qed ikunu sfruttati f’dak li huma ddeskrivew bħala traffikar uman pulit ta’ Asjatiċi lejn Malta. Għall-bidu mwiegħda xogħol fl-industrija tat-tessuti b’salarju ta’ €600, iżda mbagħad isibu realtà kompletament differenti fejn fl-aħħar tax-xahar jaqilgħu biss ftit għexieren ta’ ewro.
Kien in vista ta’ dawn l-invetigazzjonijiet u ta’ bosta oħrajn mill-Pulizija li kien imminenti li l-investigaturi jintervjenu fil-fabbrika Leisure Clothing.

Sa kienu saru diskussjonijiet mal-Aġenzija Appoġġ dwar fejn kienu se jinżammu dawn l-Asjatiċi – 260 fin-numru u li allura hu numru kbir ħafna – darba l-Pulizija tieħu dan il-pass. Sa kien suġġerit ukoll li għal mument, biex dawn ma jibqgħux jinżammu fil-hostel delapitata li qed jinżammu fiha – hostel li hi proprjetà tal-privat – jinżammu f’xi ċentru ta’ detenzjoni sakemm l-awtoritajiet jiddeċiedu dwar il-futur tal-istess Asjatiċi.

Kien fl-isfond ta’ dan kollu li ordni minn fuq wasslet biex l-investigazzjonijiet tal-Pulizija twaqqfu ħesrem b’diżappunt u b’xokk kbir għall-Pulizija kollha involuti fl-investigazzjoni… xi ħaġa li l-Aġent Kummissarju ċaħad fil-bidu ta’ din il-ġimgħa.

Sors importanti ħafna f’Organizzazzjoni Mhux Governattiva li taħdem fil-qrib ta’ dan is-settur spjegat lil In-Nazzjon li ħafna drabi dawn il-persuni abbużati jibżgħu jiftħu ħalqhom u jitkellmu. Anzi hi prattika komuni li darba xi ħadd jinterrogahom u jipprova jieħu mingħandhom il-verità, dawn jispiċċaw jinnegaw kull forma ta’ tbatija u abbuż li għaddejjin minnu. “Hi xi ħaġa normali ħafna sitwazzjoni anomala bħal din,” qaltilna persuna li taħdem ma’ NGO iżda li ma setgħetx tkellimna b’mod uffiċjali.