Lokali

L-Oppożizzjoni b’mistoqsijiet wara r-Rapport Finanzjarju tal-Gasol

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għamlet serje ta’ mistoqsijiet li jitqajjmu mir-Rapport Finanzjarju tal-kumpannija Gasol, li hi waħda mill-kumpanniji fil-konsorzju Electrogas, li għandu jibni l-Power Station il-ġdida.

Il-mistoqsijiet ġew elenkati mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha spjega li l-Oppożizzjoni u l-pubbliku jistennew li l-Gvern iwieġeb il-mistoqsijiet, hekk kif il-proġett tal-Power Station kien proġett ewlieni marbut mal-mandat li ngħata l-Gvern biex imexxi l-pajjiż f’din il-leġislatura.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija George Pullicino qal li b’rabta mal-Power Station il-ġdida hemm diġà ħafna mistoqsijiet li l-Gvern mhux iwieġeb. Madankollu, in-nies qed tistenna li jingħataw risposti biex ikollna serħan il-moħħ li l-proġett se jsir kif imwiegħed mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Inġinier Mark Anthony Sammut, li qal li bl-aġir tiegħu l-Gvern qed jikser il-wegħda tat-trasparenza. Qal li jistenna li l-Gvern iwieġeb il-mistoqsijiet li qajjmet l-Oppożizzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija Gasol.